L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

“Pawlu, li Alla ried isejjaħlu, biex ikun appostlu ta’ Kristu Ġesù” (1Kor 1:1).

Għażiż Arċipriet, aħna u niċċelebraw il-bidu uffiċjali tal-ħidma tiegħek f’din il-parroċċa għażiża nixtieqek u nitolbok tiftakar f’dawn il-kliem li permezz tagħhom l-Appostlu Missierna jsellem lill-Korintin, poplu għażiż li swielu mhux ftit inkwiet, tant hu hekk li kiteb darba għal darbtejn.

Alla ried isejjaħlu. Meta jirrifletti fuqu nnifsu jifhem li l-ministeru tiegħu anke għall-Korintin huwa frott ta’ volonta ċara, misterjuża ta’ Alla. “Alla ried isejjaħli” u s-sejħa x’inhi? “Li nkun il-mibgħut ta’ Kristu Ġesù” (1 Kor1:1), għax appostlu hekk tfisser: mibgħut. Fuq kull bieb li tħabbat u jiftħulek, qis li tkun il-mibgħut ta’ Kristu Ġesù. Ta’ ħadd iżjed, ta’ Kristu Ġesù.

Lil min qed ikellem Pawlu? “Lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù u msejħa biex ikunu qaddisin” (1 Kor1:2). Jekk l-għeżież Pawlini jgħidulek: ‘imma aħna għaliex qegħdin hawnhekk? Għaliex nitħabtu s-sena kollha?’ Fakkarhom li huma diġà mqaddsin fi Kristu Ġesù għax il-qdusija mhix premju; il-qdusija hija l-ħniena ta’ Alla fl-azzjoni. U la hija ħniena hija b’xejn, mhux bi dritt. Huma tqaddsu, il-komunità mqaddsa fi Kristu Ġesù permezz tas-sagramenti li huma l-laqgħat speċjali miegħu u li jibnuna kontinwament mill-ġdid. Imma msejħin biex ikunu qaddisin u hawnhekk hawn dan il-paradoss. Lill-Korintin Pawlu qed ifakkarhom li huma tqaddsu fi Kristu Ġesù imma qed ifakkarhom ukoll li huma għandhom sejħa speċjali biex ikunu qaddisin. U l-qdusija kif jgħallimna San Pawl hija li nkunu fl-imħabba, imsejħin biex ikunu qaddisin u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-sid tagħhom u tagħna. 

M’hemmx għalfejn infakkrek li fil-qari fil-festa għażiża tal-Appostlu Missierna San Pawl nisimgħu lil Pawlu stess jgħid li dehrlu anġlu “ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim” (Atti 27:23). Pawlu qed jissieħeb ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-sid tagħhom. U jgħid: “Issid tagħhom u tagħna” (1 Kor1:2). Inti m’għandek l-ebda sid fid-dinja ħlief lil Ġesù Kristu. Tagħmel xejn għal wiċċ l-isqof għax l-isqof ma jagħmel xejn, la għal wiċċ il-Papa u lanqas għal wiċċek, ibni, imma għal wiċċ Ġesù Kristu.   

U x’joffri l-appostlu Missierna lill-komunità ta’ Korintu? Inti x’se toffri lill-poplu afdat lilek? “Grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu” (1 Kor1:3). Il-grazzja hija dik l-imħabba mogħtija b’xejn. Mhux għal xejn, imma b’xejn li tissarraf fil-ħniena imma mhux biss fil-ħniena, tissarraf ukoll fil-paċenzja ta’ Alla. L-Appostlu Missierna jiddistingwi bejn il-ħniena li ntużat miegħu u l-paċenzja li tintuża miegħu u jgħid li jiena l-protos fost il-midinbin biex il-Mulej juri miegħi paċenzja kbira u sħabi jagħmlu l-qalb.

Tiddejjaqx tkun vulnerabbli. Tiddejjaqx titlob maħfra fejn meħtieġ għax aħna tad-demm u l-laħam u t-teżor afdat lilna huwa fdat“f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4:7). Imma t-teżor li mhux tagħna huwa dak li minnu joħorġu l-grazzja, l-imħabba mogħtija b’xejn u s-sliem. Meta inti tħares lejn il-parroċċa tiegħek, lejn tant nies li għalihom dan it-tempju huwa dar għażiża avolja m’għadhomx joqogħdu l-Belt, inti tiltaqa’ ma’ nies li fl-imħabba u d-devozzjoni tagħhom għandhom għatx għall-paċi, għas-sliem. Imma dan is-sliem la jiġi mir-rabta mat-tradizzjoni, wisq inqas mill-pika, imma jiġi mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu. 

Jine nixtieq insellem lil predeċċesuri tiegħek – uħud minnhom qegħdin hawnhekk magħna – nirringrazzjakom ilkoll tal-ħidma b’risq dan it-tempju. Inti tifhem li x-xogħol li nbeda jrid ikompli bis-sapport tal-Pawlini u tant devoti oħra li għandhom għal qalbhom dan it-tempju li għandu bżonn kontinwament jiġi rinovat, ikkonservat. Imma t-tempju mingħajr il-komunità jsir mużew. Jiena qed nafdalek patrimonju kbir imma nawgura, għażiż arċipriet, li m’iniex qiegħed nafdalek mużew. Tajjeb ikollkom it-tabella Church of St Paul Shipwrecked worth a visit. Naqbel. Imma l-komunità trid tiġi hawn u titlob, tfaħħar ’l Alla. Il-Kapitlu għalhekk qiegħed. U l-komunità hija l-ħajja ta’ dan it-tempju.

Fl-10 ta’ Frar, anzi minn lejliet mid-9 ta Frar, nerġgħu niltaqgħu biex niċċelebraw festa kbira kif tixraq lill-Magnus. Imma rridu nistaqsu lilna nfusna, għażiż arċipriet, dak kollu li niċċelebraw – aħna dejjem nitolbu għat-temp sabiħ – xi jfisser fil-ħajja tagħna? Is-Salm Responsorjali jitkellem fuq id-disponibbiltà tal-imgħallem li tagħha huwa wkoll eżempju sabiħ l-Appostlu Missierna. Jiena wkoll nixtieq nirringrazzjak personalment tad-disponibbiltà tiegħek kif niringrazzja wkoll lill-Kanonku David Torpiano, tad-disponibbiltà tiegħu. 

Nawguralkom li tagħtu ħajjitkom għal din il-komunità, għal dan il-patrimonju u li tkunu xhieda tas-sinifikat profond tat-titlu li ngħata lil Ġesù minn Ġwanni l-Battista: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:29). Bl-Aramajk il-kelma ‘ħaruf – talyâ’ tfisser tliet affarijiet: ħaruf, qaddej u iben. B’kelma waħda, bl-Aramajk li x’aktarx tkellem, Ġwanni l-Battista jindika ’l Ġesù bħala l-ħaruf t’Alla, il-qaddej ta’ Alla u l-Iben ta’ Alla. Fil-fatt hu stess imbagħad: “Rajtu b’għajnejja u għalhekk xhedt: ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla” (Ġw1:34). Imma wieħed jifhem ukoll li hu u jħares lejn il-Mulej jitgħammed fl-ilma, hu qed jgħammed lill-qaddej ta’ Alla li jġorr fuq spallejh id-dnubiet tagħna u jerfagħna.

Ħaruf, għax ubbidjenti u disponibbli. M’hemmx għalfejn tkun silenżjuz. Imma li tkun qaddej jiġbor is-sinifikat tal-missjoni tiegħek: li inti tagħti ħajtek kif għamilt ukoll fl-għażla tal-motto tiegħek f’dak il-poster sabiħ: ‘ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu’. U fl-istess ħin jiena nitlob li l-komunità tkun ta’ sapport għalikom, mhux għalik biss, anke għall-Kanonku David, għall-Kapitlu kollu u li anke l-ospitalità li minn hawnhekk toħroġ għal min iżurna. Għax dan it-tempju għandu wkoll din il-vokazzjoni: li jilqa’ tant nies li hawnhekk għandna dan il-privileġġ li nlaqqgħuhom man-narrattiva tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna. L-ikonografija tkellmek.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li dawn l-inizjattivi, li naf li diġà bdew, ikomplu li minn hawnhekk ikun hawn ukoll appostolat ta’ ospitalità, li l-ikonografija tal-post tiġi spjegata – ovvjament tkompli tiġi restawrata  u ssibu minn jispjegaha, min jevanġelizza permezz tal-patrimonju li ħallew missirijietna.

Kont qed ninnota biex nikkonferma hawnhekk f’waħda mill-arzelli għandna l-vjaġġ qalil. Imma hawnhekk għandna t-tluq għaliex imbagħad fit-titular għandna wkoll il-kumplament tan-narrattiva.

Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna l-knejjes iżjed milli mużewijiet għal min iżurhom, ikunu mezz ta’ evanġelizzazzjoni. Għal ħafna isqfijiet li ġew qabli din il-knisja fil-Belt Valletta kienet għażiża għalihom. Għalhekk jixirqilha mhux biss tiġi apprezzata imma tkompli jkollha komunità ħajja.

Jiena nixtieq nappella lill-Pawlini, anke dawk li m’għadhomx joqogħdu l-Belt għax forsi fejn kienu joqogħdu saret boutique hotel, u ma jaffordjawx iħallsu xi €400 il-lejl biex joqogħdu l-Belt, imma li jibqgħu maqgħudin ma’ din il-preżenza li missirijietna xtaquha tkun preżenza ta’ fidi. U allura, arċipriet, xammar il-kmiem kif taf tant tagħmel bl-enerġija indomabbli tiegħek għax għandna x’nagħmlu. Il-Mulej ikun il-barka tiegħek u San Pawl jieħu ħsiebek hu.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 49, 3.5-6
Salm: 39 (40), 2.4ab.7-8a.8b-9.10
Qari II: 1 Kor 1, 1-3
Evanġelju: Ġw 1, 29-34

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti