L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Fl-Atti tal-Appostli, il-ktieb li jagħtina r-rakkont għażiż tal-miġja tal-Appostlu Misserna San Pawl fostna, jirrepeti l-istorja u n-narrattiva tal-konverżjoni ta’ Pawlu, Sawlu, tliet darbiet. Wieħed jinnota kemm dan ir-rakkont huwa importanti biex dan it-tieni ktieb li kiteb San Luqa: l-Evanġelju u l-Atti tal-Appostli, din il-laqgħa tal-Imgħallem Ġesù rxuxtat ma’ dan ir-raġel minn Tarsu propju nsibuha rrakkuntata tliet darbiet.

Illum nixtieq nibda r-riflessjoni tiegħi billi nfakkarkom Pawlu stess xi jgħid meta jidħol fi djalogu ma’ Agrippa. Ormaj Pawlu huwa priġunier. Hemm akkuża kontrih, biex jinvestigawh kienu lesti jittorturawh bis-swat u kif neżżgħuh u se jibdew jagħtuh l-40 daqqa neqsin waħda, liċ-ċenturjun Pawlu jgħidlu: “Isma’ jiena ċittadin Ruman”. L-Atti tal-Appostli jgħidilna li dan waqaf, mar għand is-superjur tiegħu, qallu: “Isma’, inti tajtni l-ordni nittorturah fl-interrogatorju imma dan ċittadin Ruman. Nimmaġina li s-superjur ta’ dan iċ-ċenturjun kesaħ għaliex kien assolutament ipprojbit li liċ-ċittadini Rumani tittorturahom waqt interrogatorju. U allura jgħidulu: ‘aħna ma nistgħux nittorturawk iddeċiedi x’se tagħmel’. Qalilhom: ‘Jiena nappella lil Ċesari’.

Aħna parti minn dan il-vjaġġ li jieħu lill-Appostlu Pawlu minn Ċesarija għal Ġerusalemm imbagħad minn Ċesarija jerġa’ għal Ruma. Il-providenza riedet li jieqaf hawn hu u sejjer Ruma. Imma f’dan il-proċess kollu li dam u Pawlu dam fil-kundizzjoni ta’ bniedem arrestat u priġunier tal-istat hu u jistenna l-appell quddiem Neruni, Pawlu jkollu ċans jiddefendi lilu nnifsu quddiem Festu, li f’Ċesarija ta’ Filippi kien qed jilqa’ wkoll lil Agrippa u s-sultana Bereniċi.

Jingħata bidu għall-Pontifikal Solenni

U Pawlu jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu b’dan il-kliem: “Jiena u sejjer f’nofsinhar, sultan, rajt dawl aqwa mid-dija tax-xemx ġej mis-sema u idda madwari u madwar dawk li kienu fit-triq miegħi. Waqajna lkoll fl-art u jiena smajt leħen jgħidli bl-ilsien Lhudi: ‘Sawl, Sawl għaliex qiegħed tippersegwitani? Iebsa għalik li teħodha kontra n-niggieża’. Jien weġibt ‘Min int, Mulej?’ U l-Mulej qalli: ‘Jien Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah, imma qum u ieqaf fuq riġlejk. Għax jiena għalhekk dehertlek biex nagħmlek ministru u xhud tad-dehra li fiha rajtni u ta’ dawk li fihom għad nidhirlek. Neħilsek mill-poplu u mill-ġnus pagani li għandhom qiegħed nibagħtek biex tiftħilhom għajnejhom ħalli jerġgħu lura mid-dlam għad-dawl u mis-setgħa tax-xitan u jduru lejn Alla u bil-fidi tagħhom fija, jiksbu l-maħfra tad-dnubiet u jkollhom sehem ma’ dawk li huma kkonsagrati lil Alla.

Għalhekk, sultan Agrippa, jiena ma webbistx rasi għad-dehra tas-sema. Imma kont inxandar l-ewwel lil-Lhud ta’ Damasku mbagħad lil dawk ta’ Ġerusalemm u tal-art kollha tal-Lhudija u lill-pagani wkoll li għandhom jindmu u jduru lejn Alla billi jagħmlu opri xierqa ta’ ndiema. Minħabba f’hekk il-Lhud qabduni fit-Tempju u riedu joqtluni. Bl-għajnuna li kelli mingħand Alla, jien bqajt sa dan il-jum nixhed liż-żgħar u l-kbar u ma ngħidx ħaġa oħra ħlief dak li l-profeti u Mosè qalu li kellu jsir, jiġifieri l-Messija kellu jbati u jkun l-ewwel wieħed li jqum mill-imwiet u jħabbar id-dawl kemm lill-poplu ta’ Iżrael u kemm lill-pagani” (Atti 26:13-23).

Pawlu jiżviluppa mbagħad dik it-teoloġija sabiħa dwar il-Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja hija Ġesù stess fl-istorja tad-dinja.

Dan it-tielet rakkont li nsibu fl-Atti tal-Appostli hemm dettalji li aħna ma nsibuhomx fiż-żewġ rakkonti l-oħra tal-konverżjoni tal-Appostlu Missierna. Dan huwa propju d-djalogu ta’ San Pawl ma’ Agrippa u r-rakkont tiegħu li jintroduċi l-vjaġġ tiegħu lejn Ruma. Nistgħu ngħidu li dan ir-rakkont tal-konverżjoni huwa essenzjali u importanti anke għar-rakkont tal-festa tagħna tal-lum, għaliex f’dan ir-rakkont tal-konverżjoni, Pawlu jagħti iżjed dettalji dwar id-djalogu li kellu ma’ Ġesù fit-triq ta’ Damasku.

Waqt l-omelija

Waħda mill-affarijiet li ma nsibux fir-rakkonti l-oħrajn huwa l-użu li għamel Ġesù  minn qawl Grieg li kien popolari ħafna dak iż-żmien u li Agrippa seta’ jifhmu malajr u għalkemm Ġesù skont San Pawl qed ikellmu bil-Lhudi, jgħidlu: “Iebsa għalik li teħodha kontra n-niggieża” (Atti 26:14). In-niggieża, dan it-tekron, huwa propju (bl-Ingliz jgħidulu ‘goad’) dak li inti ġġagħal lill-bhejjem biex jobduk. Hija n-niggieża wkoll San Pawl jużaha anke bħala n-niggieża tal-mewt. Jgħid n-niggieża tal-mewt hija d-dnub, hija l-istess kelma. L-awtur, jgħidulna li din l-espressjoni lil Pawlu qed tfakkru li huwa midneb, qed tfakkru wkoll li jrid jobdi.

Jiena naħseb xi ħaġa li l-Appostlu Missierna dam ħafna jaħseb fuqha u jixtarrha bħalma ħaseb ħafna drabi u baqa’ jixtarr il-fatt li Ġesù ma qallux: ‘Qed tippersegwita lid-dixxipli tiegħi, qed tippersegwita l-Knisja tiegħi’, imma jgħidlu: “Qed tippersegwita lili” (Atti 26:15). Għax dak li jsir lid-dixxipli tiegħu, Ġesù jgħoddu magħmul lilu nnifsu. U minn hemmhekk, kif nafu, kemm-il darba kelli ċans nispjegaha din il-ħaġa, Pawlu jiżviluppa mbagħad dik it-teoloġija sabiħa dwar il-Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja hija Ġesù stess fl-istorja tad-dinja. U għalhekk diffiċli tgħid: ‘Kristu iva u l-Knisja le’ għax Ġesù ma jagħmilx hekk. Ġesù meta jippersegwita l-Knisja ma jgħidx: ‘qed tippersegwitaw lill-Knisja’ imma ‘qed tippersegwitaw lili’. U dan huwa fl-istorja.

Imma l-Appostlu Missierna hu u b’umiltà kbira jirrakkonta dan id-djalogu, ma jiqafx hemm. Ma jagħtix biss l-għerq tat-teoloġija tiegħu, tal-identità bejn Kristu u l-Knisja fl-istorja, ma jfakkarniex biss li Ġesù fakkru li hu għandu n-niggieża tal-mewt li hija d-dnub u li hemm bżonn jobdi, imma jfakkru wkoll li l-missjoni tiegħu huwa li qed jibagħtu għand il-pagani. “Neħilsek mill-poplu u mill-ġnus pagani li għandhom qiegħed nibagħtek” (Atti 26:17). Dan ir-rakkont, it-tielet wieħed, Pawlu jispjega lil Agrippa din il-vokazzjoni partikolari tiegħu li jkun l-appostlu tal-ġnus. U Ġesù jispjegalu l-missjoni tiegħu lill-ġnus. “Biex tiftħilhom għajnejhom ħalli jerġgħu lura mid-dlam għad-dawl u mis-setgħa tax-xitan u jduru lejn Alla u bil-fidi tagħhom jiksbu l-maħfra tad-dnubiet u jkollhom sehem ma’ dawk li huma kkonsagrati lil Alla” (Atti 26:18).

Barka tal-Arċisqof

Imma Ġesù kif seta’ jagħti din il-missjoni lil Pawlu jekk Ġesù jidentifika ruħu, hu u jkellem lil Pawlu stess bil-Lhudi, jidentifika ruħu mal-Knisja? Ġesù qabel jagħti din il-missjoni lill-Appostlu tal-Ġnus, irid jikkonferma lill-Knisja li hija r-rieda tiegħu li l-messaġġ li Pietru u l-appostli fl-Għid il-Ħamsin kienu taw lil-Lhud li kienu ġew mid-dijaspora kollha u kienu diġà jitkellmu ilsna differenti, imma kienu Lhud li ġew għall-festa tal-Għid, dak il-messaġġ irid ikun messaġġ għall-pagani wkoll.

M’ilux kelli l-grazzja li nżur Tel Aviv qabel mort nagħti konferenza Ġerusalemm. Qatt ma kont waqaft f’din il-belt għax ġeneralment aħna naslu l-ajruport ta’ Tel Aviv, min juża’ dak l-ajuport, u mal-ewwel tmur jew Nazaret jew Betlehem jew Ġerusalemm. Imma ddeċidejt nieqaf ftit sigħat u ħaduni fil-belt antika ta’ Ġaffa jew Yafo kif jafuha llum. Tel Aviv hija belt moderna imma l-iżjed belt antika qrib Tel Aviv hija Ġaffa. U Ġaffa kien post importanti ħafna għaliex kien il-port li jagħti għall-Art Imqaddsa. Hemmhekk darba minnhom Pietru jsejħulu biex jgħin lil waħda Tabita li kienet benefattriċi kbira u li mietet. Ġerusalemm ma kinitx ’il bogħod u Pietru kien f’belt qrib Ġaffa jisimha Lidda. U marru jsejħulu. Hawnhekk naraw il-qawwa ta’ Ġesù li tgħaddi fl-appostli. Pietru jitlob ħdejn is-sodda, fejn il-katavru ta’ Tabita u din tqum. “Tabita qum. Hi fetħet għajnejha u malli rat lil Pietru, qamet bilqiegħda” (Atti 9:40). Dan l-episodju, l-ewwel episodju li wieħed għadu jfakkar meta tmur fil-knisja ta’ San Pietru ġewwa Ġaffa, juri li l-qawwa ta’ Ġesù fuq il-mewt għaddiet ukoll fil-Knisja, għaddiet lill-appostli.

Pawlu sab poplu li kien jaf xi tfisser il-filantropija, dik il-ħlewwa liema bħala. Bil-Grieg filantropija dik il-ħlewwa, hija dik li inti tħares lejn il-persuna u tittrattaha b’umanità għax hija persuna umana. 

Imma mbagħad Ġaffa hija wkoll il-memorja, jiena ngħidilkom għażiża wkoll għalina l-Maltin, fejn il-Mulej juri b’mod ċar lil Pietru li l-messaġġ ta’ Ġesù huwa miftuħ għall-pagani u allura għalina wkoll. U x’jiġri? L-Atti tal-Appostli fil-kapitlu 9 u 10 jagħtuna rakkont dettaljat ta’ x’ġara. Imma jiena se nislet silta mill-kapitlu 11 fejn Pietru stess jerġa’ jirrakonta xi ġralu f’Ġerusalemm lill-Knisja. Dak li aħna nqisuh bħala l-ewwel konċilju, l-ewwel laqgħa tal-appostli f’Ġerusalemm fejn ittieħdet din id-deċiżjoni importanti: li jagħrfu li Alla kien qed isejħilhom biex ixandru l-Evanġelju, l-Aħbar it-Tajba lill-ġnus. L-appostli u l-aħwa li kienu fil-Lhudija semgħu li l-pagani wkoll kienu laqgħu l-Kelma ta’ Alla.

“Għalhekk meta Pietru tela’ Ġerusalemm dawk li riedu jżommu ċ-ċirkonċiżjoni bdew jeħduha miegħu u jgħidulu: ‘Int dħalt għand nies li m’għandhomx iċ-ċirkonċiżjoni u kilt magħhom’. Imbagħad Pietru qabad ifissrilhom kollox ħaġa b’ħaġa u qalilhom: ‘Jiena kont qiegħed nitlob fil-belt ta’ Ġaffa, xħin kelli dehra f’estasi. Rajt xi ħaġa nieżla mis-sema qisha liżar kbir miżmum mill-erbat itruf u wasal sa ħdejja. Bqajt inħares lejh sewwa u rajt bhejjem tal-art b’erba’ saqajn, bhejjem selvaġġi, bhejjem li jitkaxkru u għasafar tal-ajru. U smajt leħen jgħidli: ‘Qum Pietru, oqtol u kul’. Imma jiena għedt: ‘Ma jkun qatt, Mulej, għax qatt ma daħal ġo ħalqi ikel profan jew imniġġeż’.

Għal darb’oħra l-leħen mis-sema qalli: ‘Dak li Alla saffa, int m’għandekx issejjaħlu mniġġeż’. Dan ġara għal tliet darbiet imbagħad kollox ittieħed mill-ġdid lejn is-sema. Sewwasew dak il-ħin fid-dar fejn konna (kienet id-dar ta’ Xmun il-konzatur) waslu tlitt irġiel mibgħuta għandi minn Ċesarija. L-ispirtu qalli biex immur magħhom bla ma noqgħod nitħasseb. Miegħi ġew ukoll dawn is-sitt aħwa u dħalna fid-dar ta’ dak ir-raġel ta’ Kornelju u għarrafna kif kien ra l-anġlu f’daru wieqaf quddiemu u qallu: ‘Ibgħat lil xi ħadd iġib minn Ġaffa lil Xmun li jgħidulu Pietru. Hu jgħidlek kliem li bih issalva int u l-familja tiegħek kollha’. Kif bdejt nitkellem l-ispirtu s-Santu niżel fuqhom bħalma kien niżel fuqna fil-bidu. Ftakart imbagħad fil-Kelma tal-Mulej meta qal: “Ġwanni għammed bl-ilma iżda intom titgħammdu bl-Ispritu s-Santu. Mela jekk Alla tahom l-istess don, kif tah lilna meta emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien x’jien biex stajt inżomm lil Alla?” (Atti 11:2-18).

Issa jekk tiftakru xi ħaġa li qal il-Papa Franġisku xi darba, f’idejkom. Jiena x’jien Pietru, biex stajt inżomm lil Alla? Meta semgħu dan il-kliem siktu u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: ‘Mela Alla lill-pagani wkoll tahom l-indiema li twassal għall-ħajja’.

Il-President George Vella jaqra t-tħabbira uffiċjali tal-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku

Innutaw l-aħwa, din l-esperjenza fundamentali l-Mulej jagħti messaġġ lil Pietru u permezz ta’ Pietru lill-Knisja tiegħu imma mbagħad jagħżel lil Pawlu biex din il-ħaġa titwettaq konkretament. Il-providenza riedet li din l-esperjenza qawwija li kellu Pietru f’Ġaffa twasslu f’Ċesarija għand Kornelju li kien ukoll imnebbaħ minn Alla. Alla jlaqqa’ lil dawn it-tnejn: lil Pietru u lil Kornelju u Ċesarija hija l-port minn fejn Pawlu beda l-vjaġġ li wasslu fostna. Ir-rieda ta’ Alla lilna tingħaraf permezz tal-appostlu Pietru u tal-Knisja tiegħu u Pawlu ntagħżel biex din ir-rieda ta’ Alla sseħħ. Kif jgħidu n-nies ta’ Ġerusalemm meta jisimgħu r-rakkont ta’ Pietru: “aħna l-pagani konna msejħin biex induru lejn Alla u permezz ta’ din il-konverżjoni tagħna ikollna l-ħajja. “Nibagħtek għand il-ġnus pagani biex tiftħilhom għajnejhom ħalli jerġgħu lura mid-dlam għad-dawl u mis-setgħa tax-xitan u jduru lejn Alla. U bil-fidi tagħhom fija jiksbu l-maħfra tad-dnubiet u jkollhom sehem ma’ dawk li huma kkonsagrati lil Alla” (Atti 26:18).

Pawlu wasal għandna, bħalma jgħid f’waħda mill-ittri tiegħu, ‘mhux bil-qawwa tal-kliem imma bil-qawwa tal-ispirtu u tal-għemil”. X’kienet il-providenza li Pawlu hu u sejjer Ruma jaħbat ma’ din il-gżira? X’kienet Malta elfejn sena ilu? Min kienu l-Maltin li laqgħu lil Pawlu fuq ix-xtut ta’ gżiritna? L-istudjużi jgħidulna li Malta, għalkemm ħabiba tar-Rumani u kellha l-protos bħalma kellha Sardegna, kienet għadha kultura Punika. Nistgħu ngħidu li Pawlu ntbagħat l-ewwel għand sħabu l-Lhud li ppruvaw joqtluh, mar għand diversi bliet ta’ kultura Griega, uħud minnhom għamlulu gwerra, oħrajn irridikolawh u kienet parti wkoll mis-sejħa tiegħu li jkollu jgħaddi min-niggieża tal-umiljazzjoni mhux biss tan-nuqqas ta’ ħila tiegħu imma wkoll tad-dnub tiegħu u tal-persekuzzjoni li kellu jgħaddi minnha. Imma kien bniedem ukoll ta’ kariżma kbira.

Tbissimt meta jiena u nerġa’ naqra, bħalma nħobb nagħmel kull sena, siltiet mill-Atti tal-Appostli, insib fil-kapitlu 19 silta ma li ma tantx naqrawha fil-quddiesa, almenu ma niftakarx li naqrawha.
“Alla kien jagħmel mirakli mhux żgħar permezz ta’ Pawlu hekk li meta kienu jieħdu mkatar jew fradal li jkunu messew miegħu u jqegħduhom fuq il-morda, dawn kienu jfiqu mill-mard tagħhom u l-ispirti ħżiena kienu joħorġu minnhom” (Atti 19:11-12). Dik kienet il-qawwa ta’ Pawlu. Anke biċċiet tad-drapp, imkatar u fradal li kienu jmissu ma’ Pawlu kellhom is-setgħa li jfejqu. Darba minnhom peress li kien hemm min jgħir għal din il-qawwa ta’ Pawlu, kien hemm xi wħud mill-eżorċisti Lhud iduru ma’ dawk l-inħawi u bdew isejħu l-isem tal-Mulej Ġesù fuq dawk li kellhom l-ispirti ħżiena u jgħidulhom: ‘niskunġrak b’dak Ġesù li jxandar Pawlu’. Kien hemm seba’ wlied ta’ wieħed jismu Xeva (qassis kbir Lhudi) li kienu jagħmlu dan imma l-ispirtu ħażin weġibhom: “Lil Ġesù nafu u lil Pawlu nafu wkoll imma intom min intom? Imbagħad ir-raġel li kellu l-ispirtu ħażin ħebb għalihom qalibhom ilkoll, qabadhom b’saħħtu kollha hekk li ħarbu minn dik id-dar imneżżgħin u kollhom miġruħa għax ma kinux ta’ Pawlu, kienu jafu b’Pawlu, imma ma kinux ta’ Pawlu.

L-Arċisqf jispega l-logo magħżul għall-miġja tal-Papa

Aħna nafuh lil Pawlu, aħna miegħu u ma’ Ġesù? Jekk le, il-ħażin se jħarbatna bħalma għamel lis-seba’ aħwa ulied Xeva. Imma jekk dan Pawlu li ġie bis-setgħa tal-Mulej fostna, uriena l-qawwa tal-Imgħallem bil-qawwa tiegħu fuq il-lifgħa velenuża u bil-qawwa tiegħu li jfejjaq, il-Maltin min kienu? Dawn il-barbaroi min kienu? Kienu ovvjament mhux mill-kultura Latina jew Griega, għalhekk barbaroi. X’aktarx u l-arkeoloġija turina li sa Żmien ir-Rumani, il-kult Puniku kien għadu ħaj, kien hemm bżonn li Pawlu li kellu jxandar il-kelma ta’ Ġesù lill-ġnus jgħaddi wkoll f’komunità Punika.

Id-disinn, il-programm, l-idea tal-providenza li Malta jiġi fostna kienet parti wkoll ta’ din l-universalità tas-sejħa li Pietru induna biha u kien illuminat fiha minn Ġaffa għal Ċesarija. U Pawlu kien dan il-qaddej ta’ dan il-programm universali ta’ ħniena għaliex il-Mulej permezz ta’ Pawlu ma ġiex b’subgħa biex jikkundanna imma bl-id qawwija li tfejjaq u turi il-ħniena. Imma Pawlu sab poplu li kien jaf xi tfisser il-filantropija, dik il-ħlewwa liema bħala. Bil-Grieg filantropija dik il-ħlewwa, hija dik li inti tħares lejn il-persuna u tittrattaha b’umanità għax hija persuna umana. U dan is-sentiment nobbli u naturali kien fil-Maltin qabel il-miġja ta’ San Pawl. Din il-filantropija kienet, biex ngħidu hekk, valur u mertu naturali li l-Maltin ħaddnu meta taw akkoljenza umana, dinjituża lil dawk il-276 ruħ nawfragati fil-ponta qrib il-Qawra.

Imma b’hekk ħadu xi ħlas? Il-ħlas li ħadu kien li ltaqgħu ma’ Ġesù li hu wkoll huwa l-filantropija ta’ Alla magħmul bniedem għax Ġesù Alla jħobb il-bniedem u jilqa’ lill-umanità. Ġesù huwa l-misteru ta’ din il-filantropija li Alla jilqa’ l-umanità tagħna fih innifsu, Alla jsir bniedem. Wieħed mill-patres tal-ewwel sekli kienu jsejħu lil Ġesù wkoll filantropos: dak li jħobb il-bniedem.

Ir-reazzjoni ta-nies waqt it-tħabbira uffiċjali

Aħna llum nirringrazzjaw lill-Mulej talli permezz ta’ Pietru wera lill-Knisja li aħna wkoll bħala  poplu pagan konna msejħin biex nilqgħu l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù. U din l-Aħbar li ngħatat lil Pietru, il-Mulej wettaqha fostna permezz ta’ Pawlu. Pawlu li kien mibgħut minn Ġesù fost il-ġnus pagani “biex jiftħilhom għajnejhom ħalli jerġgħu lura mid-dlam għad-dawl u mis-setgħa tax-xitan u jduru lejn Alla u bil-fidi tagħhom”, bil-fidi tagħna, “niksbu l-maħfra tad-dnubiet u jkollna sehem ma’ dawk li huma kkonsagrati lil Alla” (Atti 26:18).

Kont qed naqra l-poeżija li l-poeta nazzjonali Dun Karm kiteb bħal-lum 100 sena fl-1920. Mhix sunett bħal tas-soltu, imma hija poeżija pjuttost maħlula dik li kiteb f’San Pawl tal 1920, imma l-vers finali jfakkarna li l-Mulej stedinna biex niltaqgħu mad-dawl u għalhekk bagħtilna lil San Pawl – dawl u Pawl. Dun Karm jifhem li l-isem ‘dawl’ għandu assonenza kbira ma’ San Pawl. Mhux ta’ b’xejn meta ġie biex jikteb l-Innu Nazzjonali lil Alla rringrazzjah u talbu biex jiftakar li lilna berikna bl-oħla dawl għaliex aħna għalhekk ulied San Pawl.

Viva San Pawl!

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 14, 3-7
Salm: 107, 21-31
Qari II: Atti 27, 16 – 28, 6
Evanġelju: Mk 16, 15-20

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

It-tħabbira uffiċjali tal-Vjaġġ Appostoliku f’Malta