• Mil-lum il-Ġimgħa 28 ta’ April sa nhar il-Ħadd 30 ta’ April, fil-kunvent tal-Agostinjani ta’ San Mark fir-Rabat se tkun għaddejja attività mhux tas-soltu.

    Wara 8 snin, il-patrijiet Agostinjani qed jerġgħu jistiednu lill-pubbliku sabiex iżur din il-ġawhra arkitettonika fir-Rabat.

    Kull min se jżur il-kunvent, mhux se japprezza biss is-sbuħija artistika tal-post, iżda japprezza wkoll il-ħajja komunitarja tar-reliġjużi Agostinjani, imsejsa fuq il-fidi u li ilhom għal aktar minn 600 sena jagħtu kontribut f’Malta.

    Tul dawn il-jumejn se jiġu orgnizzati diversi attivitajiet fosthom: tours tal-kunvent, qari mill-istqarrijiet ta’ Santu Wistin, wirja tal-arti bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 25 artist u wirja ta’ diversi kotba rari li hemm fil-Librerija Provinċijali San Tumas minn Villanova.

    Se jkun hemm għaddejja wkoll mużika ‘live’: il-Ġimgħa fis-7:30pm mill-grupp The Busker, is-Sibt se jittella’ kunċert tal-orgni mill-organista Wayne Marshall fis-7.30pm fil-Knisja San Mark, il-Ħadd  f’nofsinhar kunċert minn Cordia String Quartet u dakinhar stess imma filgħaxija fir-refettorju l-antik tal-kunvent se jittella’ kunċert tal-kitarra klassika minn Bernard Catania.

    Kull min se jżur il-kunvent, se jkun jista’ wkoll jagħti d-demm.

    Il-bibien tal-kunvent se jkunu miftuħa għall-pubbliku mill-10am sas-7pm. Il-pubbliku jista’ juża l-faċilità tal-Park & Ride minn Triq tal-Infetti ta’ taħt l-Imdina.

    Għal iktar informazzjoni żur il-websajt www.augustiniancloister.org.