Tlesta xogħol ta’ restawr tal‑Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan, xogħol li sar b’investiment ta’ ftit aktar minn €122,000 b’kofinanzjament minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Dan il‑proġett ġie inawgurat dalgħodu mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll għall‑konferenza tal‑aħbarijiet kien hemm is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross.

Permezz ta’ dan il‑proġett li għalih ikkontribwixxa wkoll il‑poplu ta’ Ħal Balzan, twettaq xogħol ta’ restawr fuq il‑kappelluntal‑Kurċifiss, il‑ħitan tas‑sagristija minn barra, u l‑kampnar. Ġew irranġati wkoll l‑arloġġi, tneħħa materjal li kien mwaħħal mal‑ħitan ta’ barra tal‑knisja u tnaddfet il‑ġebla mit‑tniġġis tal‑arja.

L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li l‑inawgurazzjoni ta’ dan il‑proġett ifakkarna fid‑dmir tagħna linieħdu ħsieb il‑wirt reliġjuż, artistiku u kulturali, dmir li l‑Knisja f’Malta qed tagħmel b’responsabbiltà kbira. L‑Isqof qal li l‑knisja ta’ Ħal Balzan hi ġawhra tal‑patrimonju Malti u rridu nieħdu ħsiebha sabiex tkompli tkun post sabiħ fejn il‑poplu jħossu milqugħ, maħbub u megħjun biex jiltaqa’ mal‑Mulej, li hu s‑sbuħija fil‑milja tagħha. L‑Isqof Awżiljarju rringrazzja lis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej u lill‑poplu ta’ Ħal Balzan li kkontribwixxa għal dan il‑proġett. Huwa rringrazzja wkoll lill‑Kappillan Mons. Karm Farrugia li kien il‑mutur ta’ dan il‑proġett, u lil dawk kollha li kienu involuti.

Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li r‑restawr li sar fil‑Knisja Parokkjali ta’ Ħal Balzan jifforma parti minn kullana ta’ proġetti f’numru ta’ lokalitajiet bil‑għan li titwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal‑wirt kulturali ekkleżjastiku. Permezz ta’ €4 miljun b’fondi Ewropej twettqu u qegħdin jitwettqu numru ta’ interventi fuq diversi knejjes, kappelli, flimkien ma’ artefatti li lkoll għandhom valur kulturali li jixraq li jkunu ppreservati u mħarsa għall‑ġenerazzjonijiet futuri. Zrinzo Azzopardi qal li dawn l‑interventi ma jservux biss biex inħarsu l‑wirt għani li ħallew missirijietna iżda jkomplu jsaħħu l‑prodott turistiku peress li dan il‑patrimonju jservi bħala attrazzjoni addizzjonali f’diversi bliet u rħula għal kull min iżur lil pajjiżna. Is‑Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li l‑lokalitajiet Maltin u Għawdxin kollha għandhom storja għanja u unika li tagħmel parti minn rakkont nazzjonali, fejn bħala pajjiż għandna wirt storiku u kulturali b’saħħtu.

Fid‑diskors tiegħu, is‑Sur Michael Pace Ross qal li r‑raħal ta’ Ħal Balzan hu mogħni b’karatteristiċi tradizzjonali li għandhom jibqgħu jiġu mħarsa għall‑Maltin stess li għandhom għal qalbhom il‑wirt storiku tal‑pajjiż u anke sabiex jattiraw turisti ta’ kwalità. Spjega li dan hu r‑raba’ proġett li l‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta qiegħda tinawgura wara dawk tal‑Mosta, l‑Imdina u l‑Bidnija.

Il‑knisja ta’ Ħal Balzan, li nbniet madwar 350 sena ilu, hi waħda mill‑knejjes f’Malta li bbenefikat mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020.

Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

L-inawgurazzjoni tar-restawr ta’ din il-parti tal-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan hija okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni. Nixtieq nirringrazzja lil kull min għen biex dan ir-restawr seta’ jsir, u seta’ jsir b’mod tajjeb. Ħa nsemmi l-ewwel lill-poplu ta’ Ħal Balzan, li b’ġenerożità għen f’dan ir-restawr, u lill-Kappillan Mons. Karm Farrugia li kien dejjem il-mutur li jmexxi ’l quddiem il-ħidma li trid issir.

Il-poplu ta’ Ħal Balzan huwa grat għall-għajnuna sostanzjali u importanti li ġejja mill-fondi Ewropej. Nirringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, l-EMCS, lill-Fondazzjon għall-Patrimonju Kulturali u s-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, u lil kull min b’xi mod jew ieħor irsista biex tiġi din l-għajnuna; anke lil min ħadem b’mod daqshekk professjonali biex hu xogħol ta’ restawr tassew sabiħ.

Aħna għandna dmir li nħarsu l-patrimonju kulturali, artistiku u reliġjuż ta’ pajjiżna. Il-Knisja trid taqdi din ir-responsabbiltà b’mod sħiħ. F’Ħal Balzan għandna din il-knisja, ġawhra tal-patrimonju Malti, u rridu nieħdu ħsiebha. Nagħmlu dan b’apprezzament lejn dawk li ġew qabilna u dawk kollha li tul is-snin ħadmu biex jagħtuna dan il-wirt li hu espressjoni tal-fidi tagħhom, bi gratitudni lejn dawk li qed jieħdu ħsieb il-knisja bħalissa – u naf b’liema dedikazzjoni jieħdu ħsiebha, u b’impenn lejn il-ġenerazzjonijiet futuri għaliex irridu  nħallu lil ta’ warajna dak li ksibna minn ta’ qabilna u nħalluh, kemm jista’ jkun, isbaħ u aħjar.

Jalla l-knisja ta’ Ħal Balzan tkompli tkun dejjem il-post sabiħ fejn in-nies iħossuhom milqugħin, maħbubin u megħjunin biex jiltaqgħu mal-Mulej, li hu l-milja tas-sbuħija.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju