“…jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mt 16:24). Dawn huma t-tliet punti li jsemmi Ġesù fl-Evanġelju għal dawk li huma dixxipli tiegħu, jiġifieri għalina lkoll. Għall-ewwel, meta tisma’ dan il-kliem, qisu Ġesù jrid jagħmilha diffiċli – kliem iebes dan! Imma nafu mill-esperjenza tal-ħajja stess, kemm dan li qed jgħid Ġesù hu ta’ ġid għalina stess u għall-oħrajn.

L-ewwel nett Ġesù jgħid “jiċħad lilu nnifsu”. X’jiġifieri li niċħdu lilna nfusna? Ifisser li l-kwalitajiet tajba li għandna naħbuhom jew narmuhom? Ifisser li t-talenti li Alla tana ma niżviluppawhomx? Xejn minn dan, għax nafu li Ġesù, anke f’postijiet oħra fl-Evanġelju, jgħid kemm hu importanti li d-doni u t-talenti li Alla tana aħna niżviluppawhom. Dan li qed jistenna minna!

Allura x’jiġifieri niċħdu lilna nfusna? Ifisser li dak li nħossu fina u jiġbidna lejn il-ħażen, aħna bl-għajnuna ta’ Alla niqfulu, u ma nħallux dak li nħossu fina jikkmandana, isuqna hu. Ħu nsemmi eżempju: ilsienna. Ġieli jkollna fuq il-ponta ta’ lsienna xi kelma mhix xierqa, jew kelma li tweġġa’ jew tinsulta. Niċħdu lilna nfusna jfisser li nigdmu lsienna biex dil-kelma jew dal-kliem ma ngħiduhx, u hekk ma nagħmlux ħsara, ma nweġġgħux lil ħaddieħor. L-istess, kultant taraha spiss, kemm kummenti online isiru għax xi ħadd jara xi ħaġa u jaqbad u jikteb; ma jafx x’ġara imma jaqbad u jikteb u jagħti mill-ewwel il-ġudizzju tiegħu jew tagħha. Niċħdu lilna nfusna jfisser li ma nħallux is-sentimenti tagħna jiġru bina – pereżempju, il-mibegħda, l-għira, il-vendetta. Kultant jista’ jkun li nħossu dawn fina, imma l-iżball ikun mhux għax inħossu dawn fina imma jekk inħalluhom jikkmandawna, jiġru bina.

Niċħdu lilna nfusna jfisser li ma nħallux is-sentimenti tagħna jiġru bina – pereżempju, il-mibegħda, l-għira, il-vendetta

Ġesù jgħid ukoll “jerfa’ salibu”. X’jiġifieri nerfgħu s-salib tagħna? Kultant nużawha. Pereżempju jkun hemm min jgħid “dak is-salib tiegħi!” jew “imsallba biha!” Jista’ jkun li jkollna nieħdu paċenzja verament bl-oħrajn, imma nerfgħu s-salib ifisser li aħna nagħrfu li kultant irridu nbatu u nagħmlu sagrifiċċju, u nagħmlu dan f’għaqda ma’ Ġesù msallab u għall-imħabba tiegħu. Kultant biex nagħżlu dak li hu sewwa rridu nerfgħu s-salib tagħna.

Issa anke hawnhekk irridu noqogħdu attenti għax kultant tintuża b’mod żbaljat. Pereżempju, jekk persuna hi vittma ta’ vjolenza domestika, jiġifieri fil-familja tagħha xi ħadd qed isawwatha. Hu żball li tgħid “das-salib tiegħi, nerfgħu” u tkompli tissawwat. Is-salib tagħha hu li tara x’tista’ tagħmel biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż u ma tibqax vittma. Dak hu s-salib, għax verament kultant din tfisser tbatija. Imma ma għandhiex tibqa’ vittma ta’ abbuż ta’ ħaddieħor, u tħalli lil ħaddieħor jagħmel biha li jrid; għandha tieħu l-passi neċessarji biex toħroġ minn dis-sitwazzjoni li hi inġusta magħha. Għalhekk irridu noqogħdu attenti u nifhmu tajjeb il-kliem ta’ Ġesù.

Ġesù jgħid ukoll “jimxi warajja”. Nimxu warajh jiġifieri li nafu li hu r-ragħaj it-tajjeb li jmexxina, u miegħu nafu li mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Kultant nistgħu niżbaljaw għax nimxu wara ħaddieħor li jeħodna fi sqaq. Għalhekk għandna nagħmlu ħilitna biex ngħixu dan il-kliem ta’ Ġesù: niċħdu lilna nfusna, nerfgħu salibna u nimxu warajh, għax nafu li hemmhekk mexjin fiż-żgur. Ġesù tkellem fuq meta Bin il-bniedem jiġi fil-glorja ta’ Missieru biex “irodd lil kull wieħed skont ma wieħed ikun għamel” (Mt 16:27). It-talba tagħna llum hi li l-Mulej jagħtina l-grazzja li nimxu fit-triq it-tajba biex nagħmlu ġid lilna nfusna u nagħmlu ġid ukoll lill-oħrajn.