L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu: Mosè u Elija li dehru fil-glorja jitħaddtu dwar tmiem ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm. It-tliet Evanġelji li għandna r-rakkont tat-trasfigurazzjoni fihom: l-Evanġelju ta’ San Mark, l-Evanġelju ta’ San Mattew u l-Evanġelju ta’ San Luqa. Huwa l-Evanġelju ta’ Luqa biss li jgħidilna x’kienu qed jitkellmu Mosè u Elija meta kienu qed jitħaddtu ma’ Ġesù. Fl-Evanġelju ta’ San Mark u ta’ San Mattew jgħidulna biss li dehru Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Imma l-Evanġelju ta’ San Luqa jgħidilna “li dehru fil-glorja jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ Ġerusalemm” (Lq 9:31).

Il-kelma ‘tmiem’ fl-Evanġelju ta’ San Luqa li oriġinalment inkiteb bil-Grieg hija ‘exodus’ tfisser ħruġ. Infatti hemm ukoll verżjonijiet anke fil-Malti li jgħidu ‘il-ħruġ tiegħu, it-tluq tiegħu’. Fil-verżjonijiet moderni hemm ‘it-tmiem ta’ ħajtu’. Bil-Latin San Ġilormu uża l-kelma ‘excessus’ u ħafna kittieba waqfu fuq din il-kelma li juża San Ġlormu għaliex ‘excessus’ hija l-istess, li toħroġ minn xi mkien bħal exodus bil-Grieg. U qalu: ‘dan huwa l-mod kif Ġesù jurina min hu’. Għax aħna ħafna drabi meta bniedem joħroġ minnu nnifsu – bl-Ingliż jgħidu ‘he goes out of his world – ngħidu dan eċċess, dan huwa propju xi ħaġa straordinarja, eċċess.  

Tant hu hekk li missirijietna meta fl-1737 iddeċidew jagħtu lil din il-knisja għażiża salib tal-kleru ġdid, iddeċidew li jieqfu fuq din il-frażi ta’ San Luqa. U dan is-salib irid ikun Ġesù msallab imma kif tistgħu tinnutaw warajja s-salib tal-kleru tal-parroċċa tagħna dak li nużaw fil-festi l-kbar, min jerfgħu jaf kemm hu tqil ukoll fih Mose u Elija, fil-ġnub tiegħu u fuq in-naħa ta’ wara hemm Ġesù trasfigurat, fin-naħa ta’ quddiem hemm Ġesù msallab. U biex propju jikkonfermaw li l-ispirazzjoni ta’ missirijietna kważi 300 sena ilu kienet din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa, kitbuha. Min-naħa ta’ wara meta tħares lejn is-salib tal-kleru tal-parroċċa u tifli fil-balla ta’ bejn Mosè u Elija, kitbu dak li kiteb San Luqa imma ovvjament bil-Latin dicebant excessum eios – kienu jitħaddtu bejniethom dwar it-tluq tiegħu. Din hija x-xena tat-trasfigurazzjoni għalhekk dik il-kitba qiegħda min-naħa ta’ wara għaliex hemmhekk hemm Mosè u Elija jħarsu lejn Ġesù trasfigurat.  

Imma fil-quddiem tas-salib tal-kleru għax huwa l-kurċifiss, kitbu biss żewġ kelmiet:   me excessum – dan huwa t-tluq. Mhuwiex tluq kwalunkwe fuq xi sodda imdawrin bit-tobba imma msallab fuq salib. U ħafna drabi l-awturi jieqfu fuq il-kelma ‘excessus’ biex jgħidu dan mhux biss tluq ta’ umiljazzjoni kbira imma wkoll eċċess ta’ mħabba. Jekk irridu nifhmu l-kejl tal-imħabba tas-Salvatur, inħarsu lejn il-kurċifiss u ma’ missirijietna nifhmu dawk iż-żewġ kelmiet: dan huwa t-tluq tiegħu;  me excessus, daqshekk ħabbejtek jien.

Il-kelma ‘exodos’ tfakkarna fil-mixjiet li għamel Ġesù matul ħajtu. Jekk aħna nħarsu l-kuntest tal-kapitlu 9 li jibda minn fejn hi meħuda s-silta tal-trasfigurazzjoni fl-Evanġelju ta’ San Luqa, li jinqara fil-knejjes kollha bħal-lum f’din is-sena, Sena Ċ, nirrealizzaw li b’xi mod huwa bħal djamant straordinarjament sabiħ – brillanti, mimli dawl u sbuħija imma mill-frame  tiegħu li huwa kkastonat bejn iż-żewġ taħbiriet tal-umiljazzjoni ta’ Ġesù. 

Huwa Ġesù li l-ewwel nett fil-bidu tal-kapitlu 9, l-istess kapitlu minn fejn din is-silta li tinqara fil-festa tal-lum, jistaqsi lil sħabu: “In-nies min jgħidu li jien?” (Lq 9:18). Hija mistoqsija dwar l-identità ta’ Ġesù imma Ġesù min hu, is-Salvatur min hu?  Min jgħid wieħed mill-profeti u kellmuhom ukoll Elija “‘imma intom min tgħidu li jien?’ Jaqbeż Pietru u jgħidlu: ‘inti l-Messija’” (Lq 9:20). Il-Mulej jaċċetta din l-istqarrija ta’ Pietru mnebbħa mill-Missier u immedjatament meta jinduna li għarfu l-identità tal-missjoni tiegħu, jibda jispjegalhom li jrid jgħaddi mill-umiljazzjoni kbira mhux biss tal-kalunja, tal-akkuża inġusta, tat-tradiment imma wkoll taċ-ċaħda tal-poplu tiegħu, tal-persekuzzjoni, tal-passjoni u l-mewt fuq is-salib.   

Hawnhekk wieħed jirrealizza li Ġesù ma jaħbix il-mod tal-ħruġ tiegħu. Tant hu hekk li anke wara t-trasfigurazzjoni jerġa’ jinsisti li hu għandu jkun mogħti f’idejn il-pagani, xi ħaġa li d-dixxipli tiegħu ma setgħux jifhmuha. Imma nagħrfu li fl-Evanġelju ta’ San Luqa l-glorja ta’ Ġesù li aħna niċċelebraw llum f’din l-Epifanija tas-sajf kif isejħulha ħutna tat-tradizzjonijiet orjentali, l-Epifanija tas-sajf għax mis-6 ta’ Jannar teħodna għas-6 ta’ Awwissu, minn ftit bard għal ħafna sħana. Imma f’din l-Epifanija tas-sajf  aħna nagħrfu min hu Ġesù; Ġesù li jgħaddi jtella’ lid-dixxipli tiegħu, tlieta magħżula b’missjoni partikolari ħafna. 

Huma tlieta mill-ewwel erbgħa msejħin: Pietru, Ġakbu u Ġwanni, it-tlieta sajjieda, it-tlieta msejħin fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Tiberijade. Huma li jkunu xhieda, xi ħaġa li ssir ukoll ftit qabel il-kapitlu 9 li qed insemmu llum, fil-qawmien tat-tifla ta’ Ġajru. Meta jidħol fejn it-tifla mejta ta’ 12-il sena, Ġesù jieħu miegħu biss lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni (Lq 8:51), jaqbad lil din it-tifla mejta minn idejha u jgħidilha: “Talita, kum” (Lq 8: 55), qiegħed ngħidlek, tfajla qum. U dik tistejqer u jagħtiha lill-ġenituri tagħha u jgħidilhom jagħtuha xi ħaġa x’tiekol.

Hu jagħżilhom ukoll biex ikunu xhieda tal-umiljazzjoni kbira tiegħu fl-ort tal-Ġetsemani. Fl-ort tal-Ġetsemani jsejjah lilhom meta hu jitwarrab biex jitlob. U Pietru, Ġakbu u Ġwanni huma xhieda tal-għaraq tad-demm. Għalkemm qabadhom nagħas kbir u għal tliet darbiet Ġesù jmur  jgħidilhom: “Ma tistgħux tishru u titolbu ftit miegħi?”  Donnu qed jgħidilhom: ‘jiena waslet is-siegħa tiegħi, wasal il-mument tal-ħruġ tiegħi, dak li intom smajtu lil Mosè u lil Elija jitkellmu dwari, wara li rajtuni straordinarjament sabiħ, trasformat, trasfigurat bil-glorja tad-divinità tiegħu  tiddi   fis-sura tal-wiċċ   fl-ilbies  abjad tiegħi. Dak il-ħin intom u tħarsu lejn dik ix-xena ta’ glorja smajtu il-kliem għat-tluq tiegħi. 

U anke wara l-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, Ġesù jkompli jimxi mad-dixxipli tiegħu. Kif mexxihom lejn it-tifla ta’ Ġajru, kif mexxihom biex jitilgħu fuq il-muntanja mbagħad jinżlu huma,   hekk ukoll rawh jimxi t-telgħa tal-Kalvarju mgħejjun miċ-Ċirinew. Uħud kienu qrib tiegħu bħal Ġwanni, wieħed ċaħdu, l-ieħor ħarab. Dawk kienu tliet xhieda li rawh fuq it-Tabor. Imma f’jum il-qawmien huma Pietru u Ġwanni li jaraw il-qabar vojt wara li semgħu lill-Maddalena tgħidilhom: “Qam, jiltaqa’ magħkom il-Galilija fejn sejħilkom biex timxu warajh” (ara Mk 16:7).

Uħud minnhom meta semgħu lin-nisa twajba jgħidu li l-Mulej qam mill-imwiet – għax wara kollox, it-trasfigurazzjoni din hija: il-konferma li l-wegħda tal-qawmien tiegħu hija ta’ vera, li għalkemm se jgħaddi mill-umiljazzjoni tal-persekuzzjoni u tas-salib, huwa se jqum tassew mill-imwiet. Allura hija l-festa tat-tama ta’ kull wieħed u waħda minna, anke min hu mtaqqal bit-telfa ta’ xi ħadd għażiż, illum hija wkoll, għażiż ħija, għażiża oħti, il-festa tiegħek, il-festa ta’ kull wieħed u waħda minna għax min m’għandux xi ħadd għażiż li qed jistennieh fid-dinja li ma tispiċċa qatt?   

Allura t-trasfigurazzjoni tal-Mulej u l-glorja tiegħu waqt li jitkellem dwar it-tluq tiegħu, hija sinjal ta’ tama għalija u għalik. Mhumiex is-salib, l-umiljazzjoni u l-mewt, l-aħħar kelma fuq il-ħajja. Dak huwa bieb, tieqa miftugħa għall-ħajja ta’ dejjem. Uħud mid-dixxipli ma fehmux u ma emmnux u l-Mulej ukoll jissieħeb magħhom fit-triq jispjegalhom. Wieħed minnhom kien jismu Keofa, l-ieħor ma nafux x’kien jismu. It-tnejn telqu minn Ġerusalemm qalbhom imtaqqla lejn ir-raħal tagħhom ta’ Għemmaws. Ġesù jissieħeb magħhom, jispjegalhom u jgħidilhom: “Mhux hekk kellu bżonn Bin il-bniedem jidħol fil-glorja tiegħu?” (Lq 24:27). Innutaw li għalkemm fir-rakkont tal-laqgħa ta’ Ġesù mad-dixxipli ta’ Għemmaws jissemma l-proċess, l-eċċess tas-salib imma wkoll il-glorja tiegħu. Hekk kellu bżonn Bin il-Bniedem li jidħol fil-glorja tiegħu. 

Imbagħad għamel ta’ birruħu li se jibqa’ għaddej. Jiena taffaxxinani kemm Ġesù jirrispetta l-libertà tiegħi u tiegħek. Ma jidħolx jekk ma tistednux, jieħu pjaċir jekk il-bieb tħallihulu mbexxaq għax hekk jagħmel il-mistieden dejjem. U hekk nissuġġerixxi li nagħmlu anke meta nħossu li l-bibien ta’ ħajjitna qed jingħalqu għall-Mulej, inħallu mqar tieqa mbexxqa. Ngħidu l-Mulej: ħenn għalija, dik tieqa mbexxqa. U l-Mulej dik it-tieqa mbexxqa jaraha, ġieli sab il-bibien magħluqin imma dik it-tieqa mbexqa jaraha.  

Qalulu: “ibqa magħna għax sar il-ħin” (Lq 24:29). Daħal magħhom u huma għarfuh fil-qsim tal-ħobż (Lq 24:35). U qalu: “Ma kenitx imħeġġa qalbna hu  u jispjegalna l-Iskrittura, jispjegalna kif irid jgħaddi mill-proċess, mill-eċċess tas-salib tal-umiljazzjoni u hekk jasal għall-glorja. 

Aħna nagħmlu ħaġa tajba li nifirħu fil-festa tas-Salvatur għaliex fil-glorja tat-Tabor aħna nifhmu li ried jurina l-glorja li hemm wara kull proċess ta’ maturazzjoni, ta’ tbatija, ta’ umiljazzjoni fil-ħajja. Is-Salvatur irid ikun it-tama ta’ kull wieħed u waħda minna anke fil-mumenti tad-dlam. Kemm tolqotni dik l-espressjoni li aħna naqraw fil-festa tas-Salvatur meħuda mit-tieni ittra ta’ San Pietru l-appostlu li jispjega l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni b’dan il-kliem: “Int bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu” (2 Pt 1:19). Dan għandu jkun għalina s-Salvatur kull meta niċċelebrawh ta’ kull sena, dak il-fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam sa ma jibda jbxexbex il-jum u f’qalbkom u f’qalbna titla l-kewkba ta’ fil-għodu. 

Fit-triq li sserrep ma’ muntanja ħelwa
li tat bewsa l-art tal-Galilija     
seħibt għal miegħek tliet dixxipli ġwejda,
u tlajt it-Tabor u tħaddant id-dija. 

Fit-triq tad-dmugħ imtaqal bil-mistħija,
bħal min ikkundannak għal pwieni ħarxa,
meddejt il-pass maċ-Ċirinew bla ħtija,
bi lbiesek tqil u b’demmek kollu għaraq. 

Fit-triq ta’ jum il-ħaqq fis-skiet tar-raba’,
imxejt ma’ żewġ dixxipli mtaqqla bl-għali,
kellimthom fuq il-mewt li tifdi b’sabar

U f’kelma  qsamt il-ħobż 
li lilna tagħti 

Fit-triq tal-ħajja, Salvatur kun magħna
fit-triq id-dejqa O Ġesù salvana.
Viva s-Salvatur

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-quddiesa

Qari I: Dan 7:9-10,13-14
Responsorju: S 96:1-2,5-6,9
Qari II: 2 Piet 1:16-19
L-Evanġelju: Mt 17:1-9  b’referenzi għal-Lq 9:  28b-36)