• Il-Knisja f’Malta wieġbet għas-sejħa tal-Papa Franġisku biex l-Insara jingħaqdu fit-talb għall-paċi fl-Art Imqaddsa. Dan hekk kif nhar il-Ħadd 8 ta’ Ġunju 2014, il-Papa Franġisku ser ilaqqa’ l-President Palestinjan Mahmoud Abbas u l-President Iżraeljan Shimon Peres fil-Vatikan, għal mument ta’ talb għall-paċi. Din l-istedina twasslet direttament liż-żewġ mexxejja mill-Papa Franġisku, waqt iż-żjara li huwa għamel fl-Art Imqaddsa bejn l-24 u s-26 ta’ Mejju 2014.

      F’Malta, waqt iċ-ċelebrazzjoni Djoċesana tal-Vġili ta’ Pentekoste, nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju, ser isir talb għall-paċi. Din iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa li ser titmexxa mill-Arċisqof ser issir fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, u tibda fis-7:30 p.m. L-Insara huma mħeġġin jingħaqdu mal-Isqfijiet għal din iċ-ċelebrazzjoni li tfakkar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli.

  • L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. qed iħeġġeġ lill-Insara jingħaqdu wkoll fit-talb għall-paċi waqt l-adorazzjoni li ssir fil-parroċċi matul il-jum tal-Ħamis, 5 ta’ Ġunju. Fil-Quddies kollu tas-Sibt, 7 u l-Ħadd 8 ta’ Ġunju, ser tingħad din l-invokazzjoni fit-Talb tal-Fidili:
    ​“Ibgħat l-Ispirtu tiegħek Missier fuq il-Papa Franġisku u l-mexxejja tal-Palestinjani u tal-Lhud, li qed jiltaqgħu biex jitolbuk għall-paċi bejn il-popli tagħhom u fid-dinja. Saħħaħ ir-rieda tajba tagħhom biex jibqgħu miexja fit-triq tad-djalogu, tal-ħbiberija u tas-sliem, ħalli bejniethom issaltan l-imħabba u l-għaqda li trid Int bejn il-ġnus kollha”.
    Il-Knisja f’Malta qed tħeġġeġ ukoll lill-Insara sabiex f’dawn il-ġranet, joffru t-talba tar-Rużarju li tingħad fil-familji u fil-knejjes, għal din l-intenzjoni tal-paċi.