L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-silta mill-kapitlu 14 ta’ San Ġwann, hija meħuda mid-diskors ta’ Ġesù fl-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu. Ftit sigħat wara dan id-diskors Ġesù jiġi arrestat u tibda t-tortura ħarxa tiegħu, il-passjoni tiegħu u l-mewt fuq is-salib.

Imma f’dan il-kuntest Ġesù jitkellem dwar is-sliem, il-paċi tal-qalb. “Jiena nħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi” (Ġw 14:27). Dawn huma kliem li aħna nfakkru f’kull quddiesa qabel is-saċerdot jgħidilna biex nagħtu l-paċi lil xulxin. Infakkru li dan il-paċi, dan is-sliem ġej minn Ġesù. Mhuwiex sliem kif tagħtih id-dinja, hekk jgħid il-Mulej.

Aħna nerġgħu nsibu din it-tislima ta’ Ġesù wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Fil-fatt hu, kif jiltaqa’ mad-dixxipli li huma mbeżżgħin, magħluqa fl-istess ambjent, jgħidilhom: “Il-paċi magħkom, is-sliem għalikom” (Ġw 20:10). U bħalma qal f’Ħamis ix-Xirka lejlet il-passjoni ħarxa tiegħu, jerġa’ jirrepeti lilna wkoll f’dan l-istaġun tal-Għid: “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’” (Ġw 14:27).

M’hemmx triq oħra għal paċi vera. Id-dinja twegħdilna l-paċi, imma aħna nafu mill-esperjenza tagħna li kull meta fittixna l-paċi skont id-dinja, bqajna b’sens kbir ta’ vojt.

Jiena nixtieq insellem bil-paċi ta’ Ġesù lil tant nies li forsi f’dawn il-mumenti, minħabba ċ-ċirkustanzi li għadejjin minnhom, jinsabu mħawda u mbeżża’. Anke f’dawk li kultant il-fidi tagħhom tiġġellġel xi ftit. Il-Mulej jgħaqqad dan il-paċi li jagħtina mal-ubbidjenza tiegħu lejn il-Missier.

Hu jitkellem dwar vittorja, imma għal ftit, tal-Prinċep tad-dinja u din narawha fil-misteru kbir tal-passjoni ħarxa tiegħu. “Il-Prinċep tad-dinja ġej” (Ġw 14:30). Imma Ġesù jagħraf li din it-tbatija li ġejja fuqu hija mod kif hu jagħti xhieda li jħobb lil Missier, li jobdih. M’hemmx triq oħra għal paċi vera. Id-dinja twegħdilna l-paċi, imma aħna nafu mill-esperjenza tagħna li kull meta fittixna l-paċi skont id-dinja, bqajna b’sens kbir ta’ vojt. U l-paċi li jagħti Ġesù ma taħrabx mit-tbatija u s-salib. Anzi f’mumenti fejn wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu, fl-imħabba hemm il-milja tal-paċi.

Din hija l-ikbar ubbidjenza lejn il-Missier: li aħna nitgħallmu nħobbu. U din hija ċ-ċavetta tal-paċi. “Nagħtikom is-sliem tiegħi” (Ġw 14:27), l-ikbar rigal li jagħtina Ġesù.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 14, 19-28
Salm: 144 (145), 10-11.12-13ab.21
Evanġelju: Ġw 14, 27-31a