• Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Dar Charles Miceli, il-Mosta
    20 ta’ April 2018

    Meta tisma’ bl-isem Charles Miceli nikkonferma dak li ntqal qabel, tifhem is-soċjal. Jiena nixtieq ukoll infakkar il-memorja ta’ Charles u t-talba tiegħi hija li dan l-ispirtu tas-soċjal ġenwin ikun dejjem magħna. Għandna responsabbiltà kbira!

    Jiena nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-Caritas, lil Leonid McKay, ovvjament lilek Mons. Victor Grech, li inti l-patrijarka ta’ dak kollu li qegħdin nagħmlu u l-pijunier b’mod profetiku, ġenwin u b’tant ġenerożità.

    Imma huwa d-dover tiegħi nirringrazzja lill-Gvern, lilek Ministru Michael Falzon, talli temmen f’dawn l-inizjattivi b’mod konkret. U mhux biss tinkoraġġina imma wkoll tagħtina n-neċessarju biex mill-ħolm ngħaddu għar-realtà u din ir-realtà jkollha futur. U għalhekk huwa dover tiegħi nuri l-apprezzament u r-ringrazzjament tiegħi, mhux biss f’isem ir-residenti li se jibbenifikaw minn dan is-servizz, imma anke f’isem is-soċjetà kollha.

    Jiena nixtieq ukoll nawgura lir-residenti. Iltqajt ma’ diversi minnkom, anke f’ambjenti differenti, kemm f’San Blas kif ukoll f’Baħar iċ-Ċagħaq. Ma ninsa qatt is-session tad-drums therapy li konna għamilna flimkien, taffaxxinani ħafna.

    Ħadt pjaċir ukoll nisma’ lil Leonid jitkellem fuq il-kuntatt li qed isir mal-komunità attwali tal-Mosta. Hawnhekk qed nara lill-Arċipriet u lis-Sindku. Insellmilhom. Importanti ħafna li ħutna jħossuhom milqugħin għax wara kollox din trid tkun esperjenza biex min għadda mill-esperjenza tal-faċilità korrettiva mbagħad ikun jista’ jiġi milqugħ fil-komunità. U l-impenn tagħna bħala komunità, anke Nisranija, huwa li ninsew u nneħħu kull tip ta’ preġudizzju u nemmnu fil-kapaċità tal-bniedem, li meta jsib l-għajnuna u l-inkoraġġiment, jibda ħajja li tagħtih tama u tagħti tama kbira lis-soċjetà. Aħna dgħajfin. Qegħdin hemm biex ngħinu lil xulxin.

    U jiena nixtieq nieqaf billi issa nħarsu lejn Alla, li jmexxi hu t-toroq ta’ kull wieħed u waħda minna, li huwa għani fil-ħniena imma li jrid ukoll li l-ħniena tiegħu tasal permezz ta’ bnedmin oħra.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace