Ta’ kull sena, ix-xahar ta’ Ottubru jkun kollu kemm hu ddedikat għall-missjoni. Papa Franġisku ddikjara x-xahar ta’ Ottubru ta’ din is-sena biex ikun ix-Xahar Straordinarju tal-Missjoni (EMM2019). Dan għaliex din is-sena taħbat il-100 sena mit-tagħlim ta’ Papa Benedittu XV dwar il-missjoni. Ser ikun xahar speċjali ta’ talb u azzjoni, xahar li jsejħilna lkoll biex inġeddu l-impenn missjunarju tagħna biex inxerrdu l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu mal-proxxmu kollu. It-tema ta’ din is-sena hija Mgħammdin u Mibgħuta: Il-Knisja ta’ Kristu fuq Missjoni fid-Dinja. Bħala l-għaqda karitattiva uffiċjali tal-Papa għall-missjonijiet, Missio jippermetti lill-Kattoliċi f’Malta u f’Għawdex biex jgħixu s-sejħa li rċivew fil-Magħmudija: biex jaqsmu l-missjoni universali tal-Knisja.

Din is-sena, bil-kampanja ‘Edukazzjoni: Il-Fejqan ta’ Nazzjon’, Missio ser jgħin lit-tfal f’pajjiż fl-Asja – Myanmar (eks-Burma). L-għajnuna ser tkun iffukata fuq l-iskola primarja ta’ San Ġwann fid-djoċesi ta’ Hakha. Din l-iskola tinsab f’wieħed mill-postijiet l-aktar iżolati u remoti fil-pajjiż fejn 26% mill-popolazzjoni qatt ma rċevew edukazzjoni minħabba d-diffikultà biex jintlaħqu. Għalhekk l-iskola San Ġwann qed toffri edukazzjoni għall-istudenti ta’ dawn l-inħawi. Il-proġett li ser jgħin fih Missio Malta jinkludi: tkabbir tal-iskola u manutenzjoni, karozza oħra biex tiġbor u tieħu lit-tfal minn u lejn l-iskola, taħriġ lill-għalliema ġodda u bini ta’ razzett ’il barra mill-iskola fejn jistgħu jrabbu u jbigħu l-qżieqeż biex ikunu jistgħu jsostnu l-iskola.

Biex issir taf aktar dwar EMM2019 u biex taċċessa r-riżorsi għalik, għall-komunità tiegħek, skejjel u parroċċi żur is-sit https://www.missio.org.mt/emm jew ċempel fuq 2123 6962.