Il-Ġimgħa 2 ta’ Diċmebru sar il-funeral tal-Gran Mastru Fra’ Matthew Festing, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Matul l-omelija, il-Kardinal Silvano Maria Tomasi qal li bl-għażla tiegħu li jsir kavallier, Fra’ Matthew Festing iddedika ħajtu għall-missjoni tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, dik li tiddefendi l-fidi u li tkun għas-servizz tal-foqra.  

Il-kardinal Tomasi qal li t-taqbida tal-Ordni llum hija miġġielda, mhux bix-xabla imma bil-ħidma ta’ karità b’risq il-foqra u l-morda. Qal li huwa għalhekk li permezz tal-membri kollha tagħha u l-voluntiera, l-Ordni llum taħdem favur il-ġustizzja u l-paċi, bil-għan li titwettaq il-ħolma tal-Papa Franġisku, jiġifieri li aħna lkoll aħwa, li huwa wkoll messaġġ fundamentali tal-Evanġelju.  

Il-kardinal fakkar kif Fra’ Matthew Festing ġie elett f’Marzu tal-2008 bħala s-79 Gran Mastru tal-Ordni Militari ta’ Malta, u rriżenja minn Gran Mastru fl-2017 b’ubbidjenza sħiħa u b’umiltà kbira u diskrezjoni.

Qal li waħda mill-prijoritajiet tiegħu kienet li jippromwovi l-vokazzjonijiet, u li l-providenza ta’ Alla riedet li huwa jħalli din id-dinja ftit wara li assista għall-professjoni ta’ Fra’ Francis Vassallo wara għadd ta’ snin mingħajr vokazzjonijiet fl-Ordni.  

Il-Kardinal Tomasi fisser kif din iċ-ċirkustanza tibgħat messaġġ li r-riforma li għaddejja minnha l-Ordni, li se twassal għall-aġġornament tal-kostituzzjoni u l-kodiċi tagħha, trid tkun ankrata fl-identità reliġjuża tal-Ordni u fit-talb lill-Mulej biex jibgħat qlub ġenerużi li jkomplu din il-missjoni.  

L-Arċisqof ibierek il-qabar fil-kripta fejn indifen l-Gran Mastru Fra Matthew Festing

Aktar kmieni din il-ġimgħa tbierek il-qabar fejn indifen, fil-kripta fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. It-tberik sar mill-Arċisqof Charles Scicluna li kkonċelebra l-quddiesa tal-funeral. Fra’ Matthew Festing miet f’Malta fit-12 ta’ Novembru li għadda. Hu kien Malta għaċ-ċerimonja tal-professjoni tal-Kavallier Francis Vassallo li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.  

Il-funeral hu meqjus wieħed storiku peress li l-aħħar funeral f’Malta ta’ gran mastru sar iktar minn 230 sena ilu, u l-aħħar difna ta’ gran mastru fil-kripta tal-Konkatidral seħħet aktar minn 400 sena ilu. 

Robert Matthew Festing twieled l-Ingilterra fl-1949 u sar membru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta fl-1977. Fra’ Festing kien Gran Mastru tal-Ordni Sovran ta’ Malta mill-2008 sa Jannar tal-2017. 

Sors: Newsbook.com.mt