• L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Robert Grech bħala kappillan tal‑Parroċċa ta’ San Ġorġ Preca, is‑Swatar.

      Dun Robert Grech twieled San Ġiljan fl‑4 ta’ Lulju 1977, u rċieva l‑ewwel edukazzjoni tiegħu fl‑iskola statali ta’ San Ġwann. Studja l‑Filosofija fis‑Seminarju Pawlu VI ta’ Brescia, it‑Teoloġija fl-Università Pontifiċja Teresianum f’Ruma, u t‑Teoloġija Pastorali fl‑Università ta’ Malta. Huwa ġie ordnat saċerdot fl‑20 ta’ Ġunju 2003.

      Fil‑bidu tal‑ħidma pastorali tiegħu Dun Robert serva f’diversi parroċċi kif ukoll bħala direttur spiritwali fl‑iskejjel sekondarji. Fl‑2010 beda jservi bħala viċi kappillan fil‑Parroċċa ta’ San Ġiljan u fl‑2013 bħala viċi kappillan fil‑Parroċċa tas‑Swatar.

      Il‑Parroċċa tas‑Swatar tiġbor fiha madwar 5,600 persuna f’1,600 familja.