Wieħed mir-riżultati pożittivi tas-Sinodu Djoċesan li sar fis-snin 1999-2003 kien l-introduzzjoni ta’ Assemblea Djoċesana li tiltaqa’ kull sena. L-Assemblea ta’ din is-sena, it-tmien waħda wara s-Sinodu, qed tiltaqa’ llum u għada.

L-għan tal-Assemblea hu li jiltaqgħu flimkien mal-Arċisqof il-mexxejja tal-oqsma kollha tal-Knisja f’Malta – kunsilli ewlenin, kongregazzjonijiet reliġjużi, segretarjati u kummissjonijiet djoċesani, parroċċi, għaqdiet u movimenti, skejjel – u nies oħra involuti mill-qrib fil-ħidma pastorali tal-Knisja, biex jagħmlu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-Knisja fis-soċjetà Maltija llum, fid-dawl tal-Pjan Pastorali, u jagħtu ħarsa wkoll ’il quddiem. Minnha nnifisha, l-Assemblea hi ġrajja importanti ħafna li tesprimi s-sens ta’ Knisja.

Din is-sena l-Assemblea se tgħin fit-tfassil ta’ Pjan Pastorali ġdid għas-snin 2012-2014, li għandu bħala tema: ‘Teżor f’ġarar tal-fuħħar’. L-Assemblea se tittratta fl-ewwel jum is-suġġett ‘Soċjetà li qed tinbidel. . . Knisja li trid tagħraf is-sinjali taż-żminijiet’. Dan hu suġġett mill-iktar attwali, speċjalment meta tqis il-bidla li għaddejja fis-soċjetà Maltija.

Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com