L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din it-talba tagħna l-Mulej jaqlagħha, il-Mulej jagħti lil Mons. Arthur il-mistrieħ ta’ dejjem, mistrieħ mistħoqq ikolli ngħid u ngħidha b’konvinzjoni. Għax saċerdot li baqa’ jaħdem sal-aħħar b’lealtà, lealtà li wieħed ma jistax ma japprezzax għaliex intom ilkoll tafuh lil Mons. Arthur bħalma kelli x-xorti nafu jien, u l-lealtà tiegħu kienet lealtà li tkun taf fejn qiegħed miegħu. Dik hija lealtà rari, ma kienx devot tal-mantikilja, joqgħod jidlek, imma l-kelma tiegħu kienet ċara.

Jiena u naħseb fih f’dawn il-mumenti fuqi u fuq fommi ġiet tbisssima naturali għax Mons. Arthur ukoll kien bniedem li dak li jħoss jgħidu u kultant kienet reazzjoni impulsiva imma mbagħad kien l-ewwel wieħed li jaċċetta li żbalja. Qed inħares lejn Dun Ġorġ, niftakru jgħid: ‘Dun Ġorġ ma jiġi kkanonizzat qatt, imbagħad kellu jeħel fl-eżumazzjoni b’żewġ mirakli u għamel ix-xogħol tajjeb biex San Ġorġ Preca jkun ikkanonizzat.

Darba qalli: ‘Int qatt mhu sejjer Ruma’. Imbagħad spiċċajt 17-il sena Ruma. Jiġifieri Arthur kien dan it-tip: ħaġa jgħidha imma mbagħad kellu dak l-għerf u l-umiltà konkreta u l-lealtà li jobdi, jgħidlek eżattament kif ħaġa jaraha, imma mbagħad inti tħoss li qed jiġbed ħabel wieħed u dik hija konsolazzjoni u faraġ kbir.

Fl-Evanġelju llum Ġesù jagħtina din l-aħbar sabiħa li ġabitna hawn: “Sejjer inħejjilkom post. Kieku ma kienx hekk kont ngħidilkom” (Ġw 14:2). Dan huwa aspett mill-karattru ta’ Arthur li jixbah ħafna lil Ġesù. Ippermettuli suppost ngħid Mons. Arthur kull darba imma – li Ġesù jgħid  “kieku ma kienx hekk, kont ngħidilkom” Mhux se nqarraq bikom. Mhux se ngħidlek xi ħaġa jien ma nemminx fiha, jew mhux kif qed naraha jien. Ġesù jħejjilna post. Hemm il-volontà tiegħu li ma jibqax waħdu, ma jkunx waħdu u li aħna nkunu miegħu.

“Kulma tajtni nagħmel ħilti biex ma jitilfux,” jgħid il-Missier. Ħadd ma joħodhomli minn idejja jekk ma jkunux iridu jmorru huma”. Ġesù jitħabat – kważi ħa nuża l-kelma iebsa jiġġieled – biex aħna nibqgħu miegħu u hu jibqa’ magħna. Din hija l-fidi li ġabitna hawn llum aħna u nitolbu b’suffraġju ta’ bniedem li fis-saċerdożju qeda lill-Mulej u lill-komunità.

Mons. Arthur kien jispira s-simpatija mhux biss minħabba l-iskjettezza tiegħu imma wkoll minħabba l-imħabba safja tiegħu. Kien bniedem li ħadem ħafna fuqu nnifsu u dik id-dixxiplina fuqu nnifsu ħalliet il-frott. L-imħabba tiegħu kienet imħabba safja, kienet tidher propju anke mill-ħarsa tiegħu. Imma għadda wkoll mill-umiljazzjonijiet tal-ħajja u mit-tbatija ta’ min jara u ma jifhimx kollox, jara u jbati meta wlied il-Knisja ma jimxux fuq dak li jindikalna Ġesù.           

Kultant in-nies li kienu jiltaqgħu miegħu t-Tribunal – u jien kelli x-xorti nakkumpanjah ħafna  f’dawn il-laqgħat speċjalment nhar ta’ Sibt meta konna nibdew bil-kawżi tan-nullità – in-nies kienu jaħsbu li qed jiltaqgħu ma’ persuna wisq diretta, kważi rozza. Imma wara kull kumment ta’ Mons. Arthur kien hemm ħafna għerf u kien hemm ħafna mħabba konkreta.

Jiena nixtieq nirringrazzja lil Alla ta’ dak li għamel Mons. Arthur, mhux waħdu, hawn l-kollaboraturi tiegħu fit-Tribunal ukoll, li dan is-servizz li meta beda hu kien – ħa ngħidulu umli. Kienu jgħidu t-Tribunal kien cabinet b’dawk il-box files minn dawk tal-ħadid, kien hemm ditta tagħmilhom. Dak kien it-Tribunal. Imma Mons. Arthur, mhux waħdu b’ħafna nies u anke s-sapport tal-Isqfijiet, bena servizz li ta għajnuna għal ħafna nies. U kellu l-kuraġġ ukoll jimxi fuq il-kuxjenza tiegħu. Kultant din il-ħaġa ssir rari fil-ħajja f’kultura fejn kulħadd ifittex il-likes; nies bħal Mons. Arthur isiru iżjed rari. Mons. Arthur, jekk ikolli nixhed għalih jien, qatt ma għamel dak għamel biex xi ħadd jagħmillulike. Imma mexa kif kien jidhirlu hu quddiem Alla. Qatt ma għamel xi ħaġa biex iċapċpulu. Il-Mulej li jaf jaqra l-qlub ikun hu l-imħallef ġust u ħanin tiegħu.

Jiena nixtieq nitlob bl-interċessjoni anke tal-qassisin qaddisin li tat din il-parroċċa għall-vokazzjonijiet. Meta aħna nitolbu b’sufraġju ta’ saċerdot, għandna d-dover nitolbu mingħand Alla u din żgur hija t-talba li l-Mulej jismagħha. Il-Mulej ma jistax ma jismax din it-talba tal-Knisja tiegħu li jkollna vokazzjonijiet qaddisin għas-saċerdożju għax din hi r-rieda tiegħu. Intom timmaġinaw li Ġesù ma jixtieqx li jkun hawn l-Ewkaristija, li Ġesù ma jixtieqx li jkun hawn bnedmin – dgħajfa kemm trid, midinbin kemm trid – imma li jagħtu l-maħfra tiegħu fis-sagrament tal-qrar? Din hija r-rieda ċara ta’ Ġesù. Din hija talba allura li Ġesù ma jistax jiċħad lill-Knisja tiegħu.

U llum anke bl-interċessjoni ta’ tant qaddisin, ibda minn San Ġorġ Preca li ħabbtu ħafna lil Mons. Arthur, għaliex aħna li ħdimna miegħu nafu kemm tħabat biex jiġbor ix-xhieda, biex kollox jasal fil-ħin u l-kawża timxi kif imxiet, almenu mil-lat lokali. Imma ma rridx insemmi biss lil San Ġorġ Preca, insemmi tant saċerdoti oħra li għaddew minn din il-parroċċa, li pprietkaw hawnhekk, kulħadd bil-karattru tiegħu, għax il-ġnien tal-Knisja fih minn kollox, imma kulħadd jagħmel il-ward f’ħinu u f’waqtu.

U nitolbuhom, nitolbu bl-interċessjoni ta’ dawn is-saċerdoti biex il-Mulej ikompli jsejjaħ, iħenn għalina u jkompli jsejjaħ u fil-ħniena tiegħu, iqanqal nies, żgħażagħ li jgħidulu: ‘hawn jien, ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek’.

Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħ fis-sliem, Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ef 2: 19-22
Salm: 116, 1.2
Evanġelju: Ġw 20:24-29

More Photos >>