L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Fid-dinja tbatu jkollkom” (Ġw 16:33). Dan hu li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju skont San Ġwann. Hawnhekk qiegħed jitkellem fl-Aħħar Ċena, fl-aħħar parti tad-diskors tiegħu, u lid-dixxipli jgħidilhom li se jkollhom ibatu. Mhijiex komuni li xi ħadd jgħid lil dawk li jsegwuh: se jkollkom tbatu. Imma Ġesù dejjem ninnutaw li jgħid mhux dak li d-dixxipli jixtiequ jisimgħu, imma dak li għandhom jisimgħu. Mhux dak li jistgħu jaħsbu biex ikunu komdi huma, imma jgħidilhom ir-realtà kif inhi. Din dejjem tolqotna f’Ġesù, tolqotna fl-Evanġelju, kif għandna r-realtà kif inhi. Ġesu jgħidilhom: “Fid-dinja tbatu jkollkom”.
Nafu li hawn kien ftit qabel l-ikbar tbatija tiegħu – il-passjoni u l-mewt – u nafu li din kienet tbatija kbira għad-dixxipli, għax ħawdithom għal kollox. Imma mbagħad nafu wkoll li wara li hu tela’ s-sema u bagħat l-Ispirtu s-Santu fuqhom, id-dixxipli ħarġu jħabbru l-Evanġelju u ltaqgħu ma’ ħafna tbatija. Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jurina, fil-fatt, li dejjem jiltaqgħu max-xkiel, mal-problemi, mat-tbatija, ma’ min jippersegwitahom. U għalhekk il-kelma li qal Ġesù hawnhekk kienet kelma ċara lid-dixxipli: biex intom tkunu dixxipli tiegħi, se tgħaddu minn tbatija.
Imma mbagħad Ġesù jgħid hawnhekk: “Iżda agħmlu l-qalb; jiena rbaħt id-dinja” (Ġw 16:33). Narawha għalina stramba ftit kif qabel il-passjoni u l-mewt, Ġesù jgħid “jiena rbaħt id-dinja”, għaliex meta mbagħad wasal għall-passjoni u l-mewt, ħafna min-nies kienu kontrieh. X’rebaħ? Meta anke Pilatu staqsa lin-nies: lil min tagħżlu, lil Ġesù jew lil Barabba? X’għażlu n-nies? X’rebaħ Ġesù? U jekk aħna anke naraw issa, tant snin wara, did-domanda nagħmluha: imma propjament x’rebaħ Ġesù? Għax hu għallem li għandna nkunu fil-paċi, u hawn gwerer u ġlied. Hu għallem fuq l-onestà, per eżempju, u tiltaqa’ ma’ min hu diżonest, jew ma’ min hu korrott. Hu għallem fuq il-maħfra, u tiltaqa’ kontinwament ma’ min hu vendikattiv. Hu għallem fuq ir-rispett lejn l-oħrajn, u tara kontinwament l-insulti; hawn min, anke fuq il-media soċjali, il-ħdura jagħmilha l-karatteristika tal-kitba tiegħu.
X’rebaħ Ġesù? Nindunaw kemm hi vera l-kelma ta’ Ġesù meta aħna naraw dan li qed jgħid fid-dawl tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Għax meta Ġesù qam mill-mewt, hemmhekk rebaħ il-mewt. U hemmhekk wera kif it-triq rebbieħa hi t-triq li għallimna hu. Fil-ħajja hawnhekk, imma wkoll f’dak li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem, it-triq rebbieħa hi t-triq li jgħallimna hu. Mela jekk Ġesù lilna jgħallimna li aħna għandna nħobbu anke lil min jobgħodna, dik hi t-triq rebbieħa, u min jagħżel li jimxi ma’ li jgħid Ġesù, qed jirbaħ. Jekk Ġesù qalilna li aħna għandu nkunu strumenti tal-paċi, anke qalb min joħloq id-diviżjoni jew il-ġlied u l-gwerer, dik hi t-triq rebbieħa. Mhijiex rebbieħa għaliex qed tiddomina lil kulħadd, u kulħadd ibaxxi rasu. Hawn mexxejja fid-dinja li jaħsbu li inti tirbaħ meta ġġib lil kulħadd taħtek, u tiddomina fuqhom, turi kemm għandek poter. Mhijiex dik ir-rebħa ta’ Ġesù, imma hi r-rebħa vera – ir-rebħa li tagħtina l-paċi fil-qalb, li tgħinna biex ngħixu b’mod tajjeb hawn u li twassalna, imbagħad, għall-ħajja ta’ dejjem.
Għalhekk il-kelma ta’ Ġesù għandha tant valur għall-ħajja tagħna. Ir-rebħa tiegħu, permezz tal-qawmien, hi wkoll ir-rebħa tagħna. U meta aħna nimxu kif qalilna Ġesù, qed nirbħu, anke jekk niltaqgħu, kif qalilna hu, mat-tbatija. Ġesù qatt ma ħeba din, u nafu kemm tiltaqa’, fil-fatt, ma’ tbatija, anke meta tagħżel li timxi tajjeb; tiltaqa’ ma’ ħafna xkiel. Imma tirbaħ jekk inti timxi tassew ma’ dak li jrid Ġesù mid-dixxipli tiegħu.
Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li aħna nagħrfu li l-kelma tiegħu hi l-kelma rebbieħa, u li aħna nirbħu meta ngħixu l-kelma tiegħu. U dik hi r-rebħa li tagħmlilna l-ħajja tagħna aħjar hawn, imma wkoll li twassalna għar-rebħa finali fil-ħajja ta’ dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




