Ħuti,

tafu li s-sagramenti huma sinjali li jidhru u li permezz tagħhom tingħata grazzja speċjali.Għandna ħames sagramenti li jagħtuna grazzja personali; erba’ sagramenti ngħidulhom ta’ l-inizzjazzjoni, tal-bidu: Magħmudija, Griżma ta’ l-Isqof jew Konfirmazzjoni, Qrar u Tqarbin u għandna s-sagrament tal-Morda li jiġi mogħti f’mument partikolari, f’mument ta’ tbatija tal-persuna. Imbagħad għandna żewġ sagramenti oħrajn li huma sagramenti li min jirċevihom, jirċevihom direttament għall-qadi tal-komunita’ nisranija. L-ewwel wieħed hu s-sagrament taż-żwieġ li permezz tiegħu titkattar il-komunita’ nisranija. It-tieni wieħed li qegħdin niċċelebraw illum huwa s-sagrament ta’ l-Ordni Sagri, jiġifieri s-sagrament ta’ medjazzjoni fil-komunita’ nisranija, permezz tagħha jagħtu l-grazzja lil-komunita nisranija.

Aħna llum qegħdin niċċelebraw is-Sagrament ta’ l-Ordni Sagri. L-Ordni Sagri għandu tliet gradi. Hemm il-grad tal-Isqof li aħna ngħidulu bħala dak li għandu l-milja tal-grazzja; għandna l-grad tal-presbiterat, tas-saċerdozju ministerjali, u għandna l-grad tad-djakonija li aħna llum se nagħtu lil dawn is-seba’ żgħażagħ. Id-djakonat jissemma’ f’kuntest tal-Atti tal-Appostli (ara Atti 6, 1-6). Ikun hemm din l-ewwel komunita’ u f’xi mument indunaw li aktar ma bdiet tikber il-komunita’, iktar il-ħtiġijiet bdew jizdiedu, ndunaw ukoll li ma setgħux jagħmlu kollox. Għażlu seba’ mimlijin bl-Ispirtu s-Santu u l-għerf u tawhom parti mill-ħidma tagħhom: li huma jservu lil din il-komunita’ nisranija ħalli l-appostli jingħataw għat-tixrid tal-Kelma. U b’hekk fil-Knisja għandna dan il-grad ta’ l-Ordni Sagri li huwa d-djakonat u li hu mmarkat b’mod speċjali f’dan il-qadi li fih naraw il-qadi tal-Knisja li b’mod speċjali trid tidher f’dan il-grad tad-djakonat fil-Knisja.

Jiena xtaqt li fir-riflessjonijiet li nagħmel illum, il-lezzjonijiet m’għażilthomx jien; illum ma għażilnihx il-qari; illum tawni l-qari ta’ dan il-Ħadd u allura ngħid li nipprova nislet minnhom dak li nħoss li l-Mulej illum irid jagħtina bħala rigal u nixtieq li intom iżżomnuhom dejjem ġewwa qalbkom. Kellna l-ewwel Lezzjoni mill-Ktieb ta’ l-Eżodu (Eż 17, 8-13) u hemmhekk kellna sinjal: il-poplu għandu bżonn l-għajnuna t’Alla. Jitla’ Mose, miegħu Aron u Ħur u dawn jimmedjaw għal poplu. U kull darba li Mose jgħollu jdejh, il-poplu jimxi tajjeb. Kull darba li Mose jniżżel idejh il-poplu kien imur lura.

U jiena xtaqt li nagħtikom din l-ewwel riflessjoni, dan id-dawl huwa l-medjazzjoni li jiġi minn dan l-Ordni Sagri. Għandek lil Mose b’mod speċjali f’moħħi kelli s-saċerdozju ministerjali, Aron u Ħur li qegħdin ħdejh, nista’ ngħidilhom id-djakni għax intom ġejtu magħżulin anke biex tgħinu lis-saċerdoti, lil-Isqof fil-ħidma tagħhom. Imma li xtaqt naqsam magħkom hija l-qawwa tal-medjazzjoni li ħarġet mit-talba ta’ Mose fuq dik il-muntanja. U nixtieq li intom tiftakru ħajjitkom kollha fil-medjazzjoni li ngħaqqadha ma’ sagrament wieħed, il-quċċata tal-ħajja nisranija: l-Ewkristija. Tiddependi ħafna u rridu nemmnuha, ħuti, mhijiex ċelebrazzjoni magħluqa ta’ dak il-mument. Irridu nemmnu li kull darba li aħna nimmedjaw lill-poplu tagħna, fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija għandna dik l-istess qawwa li ħarġet minn Mose li qed tintefa’ fuq il-poplu kollu. Ħuti, għalina lkoll mhux biżżejjed li tiċċelebra, imma trid tiċċelebra bl-istess qawwa li kellu Mose, l-istess tama li kellu Mose, l-istess imħabba lejn l-poplu li kellu Mose. Din hija l-ewwel riflessjoni li xtaqt naqsam magħkom.

Fil-Vanġelu tal-lum (Lq 18, 1-8), tiftakru li kien hemm parabbola ħelwa u Sidna Ġesu Kristu joħroġ it-tagħlima u jgħid dawn it-tlett kelmiet: “Alla lill-magħżulin tiegħu . . . sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq?” (Lq 18, 7). U jiena meta kont qed naqra din is-silta, għidt li hemm grazzji li l-Mulej jagħtina direttament. Kemm jiġu nies għandna u jgħidulna: “isma’ aħna tlabna u l-Mulej tana grazzja”. Imma hemm grazzji li l-Mulej jagħtihom lill-magħżulin tiegħu, medjati minn ħaddieħor. Kemm hemm grazzji li dan il-Mulej għamel li jridu jiġu medjati.

U jien nixtieq nagħmlilkom din it-tieni riflessjoni. Kemm hemm grazzji bit-tweġiba fuq sinjal ta’ dan il-kliem ta’ Ġesu, li jiġu mmedjati minn dawk li huma ordnati presbiteri, jew fil-każ tagħkom djakni tal-Mulej. Jiġi xi ħadd għandek u jgħidlek: “Isma’ għandi bżonn l-ghajnuna”. Inti se tkun dak li din il-kelma ta’ Ġesu jibdew jemmnuha għax inti tgħinhom u tgħinhom bil-qawwa. Jiġu għandek bit-tbatija u inti tkun tista’ tagħtihom il-konsolazzjoni tal-kelma ta’ l-imħabba tiegħek u jħossuha.

Ħuti l-aħħar kelma li qal Ġesu fil-Vanġelu kienet din: “Bin il-Bniedem se jsib il-fidi fuq l-art?” (Lq 18, 8). Jimporta naqsamha magħkom x’ħassejt meta kont qed naqraha? U kemm din il-fidi tiddependi minna l-presbiteri u minnkom li se tkunu djakni! Meta huma jħarsu lejna u jaraw il-kwalita’ tal-qadi tagħna, id-dispożizzjoni tagħna, l-imħabba, il-ħeġġa li aħna ngħinuhom. Aħna nkunu qegħdin ngħinu biex meta jiġi Kristu fuq l-art isib aktar fidi permezz tal-medjazzjoni ta’ dak li jaraw fina u permezz tagħna jaraw ’l Alla l-Imbierek u l-imħabba tiegħu. Din hija t-tieni ħaġa li jiena xtaqt naqsam magħkom u qed nafdalkom f’idejkom. Din hija l-medjazzjoni tal-grazzja t’Alla lill-bnedmin.

Fit-Tieni Lezzjoni tal-lum (2 Tim 3, 14-4,2), S. Pawl qieghed ikellem lil Timotju. U qiegħed ikellmu fuq il-Kelma t’Alla. U tafu li, b’mod speċjali, mid-Djakonat joħorġu diversi grazzji ta’ ministeri, ta’ qadi. Joħroġ il-qadi b’mod speċjali madwar l-Ewkaristija, li tqassmu l-Ewkaristija bħala parti mill-ministeru tagħkom u joħroġ ukoll il-ministeru tal-Kelma t’Alla din id-darba direttament mill-grazzja ta’ l-Ordinazzjoni.

U jiena xtaqt infakkarkom x’hawn hawnhekk. Kemm hu faċli taqra l-Vanġelu biss u tieqaf hemm. Hemm hu faċli inti tagħmel omelija u tieqaf hemm. Imbagħad tisma’ lil S. Pawl u lil Timotju u jgħidlek x’qawwa, x’responsabbilta’ kbira hemm kif aħna rridu nieħdu l-Kelma t’Alla. Hu jgħid: “Sus wara l-Kelma t’Alla, insisti biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb, iwissi bis-sabar kollu u bit-tagħlim” (2 Tim 4, 2). Hu jgħidilna biex il-Bniedem t’Alla li qed jitkellem: “Tkun perfett, imħeġġeġ għal kull ħidma tajba”. Nixtieq li aħna s-saċerdoti kollha u intom fil-bidu ta’ dan il-ministeru djakonali kull darba li tkunu se twasslu l-Kelma ftakru f’dan il-kliem ta’ Timotju li bil-kelma tiegħi kif inwassalha bil-qawwa bil-fidi tiegħi, kapaċi nagħmel il-bnedmin ta’ quddiemi perfetti, kapaċi nagħmilhom lesti għal kull ħidma tajba. Mhijiex biss qari imma rridu nemmnu fil-qawwa kbira, allura S. Pawl lil Timotju jgħidlu “Ftakar fil-fidi li inti irċevejt f’żgħoritek u kompli żommha u żommha qawwija” (ara 2 Tim 3,15)

Dawn huma t-tlett missjonijiet differenti li llum il-Knisja qed tafdalkom f’idejkom:

medjazzjoni b’mod speċjali ta’ l-Ewkaristija;

medjazzjoni tal-grazzji partikolari li Alla jrid jagħti lil dawk li għandhom bżonnhom;

u medjazzjoni tal-Kelma li l-Mulej qed iħallilkom ukoll f’idejkom.

Nixtieq nagħlaq b’żewġ kelmiet. Ħa npoġġiha kif inhi. Ejjew niftakru dejjem li meta Alla l-Imbierek jagħżel lil kull wieħed minna, ħa ngħidha kif inħossha, Alla ma kellux lilna f’moħħu. Alla kellem lil Poplu tiegħu, imbagħad nindunaw kemm aħna prezzjużi. Imma hu li kellu l-poplu tiegħu biex is-saċerdozju ministerjali li qatt ma neħduh biss bħala unur imma bħala servizz dejjiemi u dan qed jgħidulna l-Mulej Ġesu meta darba qal: “Jiena għażiltkom,” u ma waqafx hemm “u għażiltkom biex tagħmlu l-frott (Ġw 15, 16).

It-tieni kelma ta’ kuraġġ hija li aħna b’mod speċjali fil-kuntest ta’ l-Ewkaristija, tal-Kap 17 ta’ S. Ġwann, jiena naħseb li kellu lil kull wieħed minna f’qalbu meta qal: “Missier ma nitlobx biss għal dawn” li nzertaw kienu f’daż-żmien u f’dal post, “imma nitlob ukoll għal dawk li ġejjin warajhom, ħarishom u ħu ħsiebhom” (Ġw 17, 20). U jiena ċert li f’dak il-mument fis-sens etern tal-kliem tal-Mulej Ġesu, f’qalb u f’moħħ Alla l-Imbierek kellu lil kull wieħed minnkom bħalma kellu lil kull wieħed minna.

Ħa nagħlaq b’xi kliem tas-Salm li naħseb li huwa sabih ħafna għax jiġbor id-dipendenza tagħna minn Alla l-Imbierek. Jgħid hekk: “Nerfa għajnejja lejn il-Mulej. . . inżomnm id-dell tiegħu fuq lemintek, qatt ma nkun waħdi” (S 120). Inżomm id-dell tiegħu fuq lemintek! Imbagħad għandna l-wegħda li jagħtina permezz tat-talb. Jekk inkunu hekk: “Ma jħallix lil riġlejk togħtor . . . iħarsek minn kull deni”. Dan hu l-Mulej li għażilkom u llum se jagħtikom il-grazzja ta’ din l-ordinazzjoni.

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta