L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ara, id-dixxipli tiegħek jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt” (Mt 12:2). Dan kien l-ilment li għamlu l-Fariżej, kif naqraw fir-rakkont tal-lum – kien is-Sibt, u d-dixxipli ta’ Ġesù kienu għaddejjin minn għalqa miżrugħa, “ħadhom il-ġuħ, u bdew jaqtgħu s-sbul u jikluh” (Mt 12:1). Din li qalu l-Fariżej ma kinetx l-ewwel darba, lanqas l-aħħar darba, għax diversi drabi kienu jilmentaw ma’ Ġesù li hu ma josservax is-Sibt.
X’kienet din tas-Sibt? Għax għalihom is-Sibt kien il-Jum speċjali tal-Mulej. Li ġara kien li tul is-snin, apparti l-kmandamenti ta’ Alla li dejjem baqgħu l-istess, żdiedu ħafna regolamenti. L-iskop tagħhom fil-bidu kien tajjeb: jiġifieri, li jgħinu lin-nies josservaw aħjar il-kmandamenti ta’ Alla. Imma mbagħad li ġara maż-żmien kien li żdiedu tant dawn ir-regoli, li spiċċaw li flok għajnuna għan-nies biex jgħixu s-Sibt, saru piż; b’mod li trid toqgħod attent, bilkemm kultant tista’ tiċċaqlaq ’l hawn u tiċċaqlaq ’l hemm, tagħmel hekk u ma tagħmilx hekk. Kien għalhekk li dawn in-nies – il-Fariżej – dejjem baqgħu jinsistu fuq l-osservanza stretta tas-Sibt, tar-regoli marbuta mas-Sibt.
Hawnhekk Ġesù, fil-fatt, jgħidilhom tliet affarijiet. Ifakkarhom x’kien għamel David meta kien bil-ġuħ, u għalhekk jurihom li l-bżonn naturali li jieklu kien aqwa mir-regoli ċerimonjali li kellhom dak iż-żmien, fi żmien David. Ifakkarhom ukoll x’jagħmlu l-qassisin fit-tempju – li jmorru fit-tempju, u fejn jidher li mhux qed josservaw is-Sibt, fil-fatt qed josservawh għax l-iskop tagħhom hu biex jagħtu qima lil Alla. Imma mbagħad jgħidilhom ukoll: “hawnhekk hawn min hu aqwa mit-tempju” (Mt 12:6). U meta jgħidilhom hekk, Ġesù qed jurihom li hemm xi ħaġa speċjali wkoll li huma qed jitilfu. Fil-fatt, l-aktar punt importanti mbagħad jagħmlu Ġesù, meta jgħidilhom: “Ħniena rridu, u mhux sagrifiċċju…għax bin il-bniedem huwa Sid is-Sibt” (Mt 12:7-8).
Ġesù qed jgħid li aħna, fil-ħajja tagħna, irridu noqogħdu attenti li ma nitilfux dak li hu l-aktar importanti, u nispiċċaw b’diversi regoli li jkun għadda ż-żmien u saru, għalhekk, regoli tat-tradizzjoni, imma li jkunu qed itellfuna minn dak li hu essenzjali. X’inhu l-essenzjali? Il-kmandamenti ta’ Alla huma marbutin mal-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. Għalhekk Ġesù jgħid: “ħniena rrid”. Il-ħniena hija l-lingwa tal-qalb ta’ Alla. Jekk aħna nitilfu dan, inkunu tlifna l-aqwa. Jekk aħna, fil-mod kif nittrattaw lil xulxin, ma nittrattawx lil xulxin bl-imħabba, bil-ħniena, bil-mogħdrija, bil-kompassjoni – inkunu tlifna dak li hu l-aqwa.
Issa din tista’ tiġrilna, hemm dejjem ir-riskju. Narawha din kultant f’ċerti ċelebrazzjonijiet, bħal tal-festi tagħna, per eżempju. Jekk inti tkun iktar moħħok fuq kemm bozoz se jixegħlu, u kemm qniepen se jindaqqu, milli l-qima tassew lill-qaddis jew lill-Madonna, u x’turi din il-qima – l-imħabba lejn l-oħrajn, anke jekk forsi jaħsbuha differenti minnek fil-komunità – hemmhekk tkun qed tagħmel proprju dak li qed jgħid Ġesù. Moħħok fl-affarijiet taż-żmien, li ġew bi tradizzjoni, imma tkun qed titlef l-iktar ħaġa essenzjali. Għalhekk l-appell li jagħmlilna Ġesù hu: ejjew immorru għal dak li hu l-iktar essenzjali. U ngħixu tassew il-kmandamenti ta’ Alla – dak li hu jitlob minna – bħala espressjoni ta’ mħabba: ta’ mħabba lejh, u ta’ mħabba lejn l-oħrajn.
Ġesù jitlob minna kultant sagrifiċċju, imma mhux biex inħarsu lejh bħala piż li rridu nġorru fuq qalbna, imma bħala espressjoni tassew ta’ mħabba lejh u lejn l-oħrajn. Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-Kelma tiegħu, li aħna qatt ma nitilfu dak li hu essenzjali li jitlob minna hu. U speċjalment li ngħixu tassew il-kmandamenti tiegħu bħala espressjoni ta’ mħabba kbira lejh, u ta’ mħabba kbira wkoll lejn l-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




