Nhar is-Sibt 7 ta’ Diċembru, il-President tal-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice, Dr Anna Maria Tarantola, flimkien mas-Segretarju Dr Eutimio Tiliacos għamlu żjara lill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Dr Tarantola ġiet eletta President ta’ din il-Fondazzjoni s-sena li għaddiet, u qed iżżur lid-diversi sezzjonijiet għal żjarat ta’ familjarizzazzjoni.

Dr Tarantola hija personalità magħrufa hafna fl-Italja. Fost l-oħrajn, kienet Viċi Direttur Ġenerali tal-Banca d’Italia u għal tliet snin President tar-RAI.

Il-Fondazzjoni Centesimus Annus twaqqfet ftit iktar minn 25 sena ilu fi żmien Papa Gwanni Pawlu II, ftit wara li ħareġ l-Enċiklika Socjali bl-isem ‘Centesimus Annus’. Il-Fondazzjoni, li hi ffurmata minn numru ta’ professjonisti l-iktar mill-qasam tan-negozju, hi bbażata fil-Vatikan, u għandha għadd ta’ sezzjonijiet f’pajjiżi differenti, fosthom Malta. L-iskop tal-Fondazzjoni hu li tippromwovi t-tagħlim socjali tal-Knisja, b’enfasi partikulari fuq il-valuri etiċi li jibnu s-soċjetà.

Fil-laqgħa mal-Arċisqof Scicluna, kien hemm preżenti wkoll l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, il-President tas-sezzjoni Maltija tal-Fondazzjoni Joseph FX Zahra, is-Segretarju Mark Demicoli, kif ukoll Dr Lawrence Gonzi li hu membru fil-Bord Internazzjonali tal-Fondazzjoni.