Fil-Parroċċa ta’ S. Pawl il-Baħar ser issir tifkira tal-mewt tal-Qaddej t’Alla, l-Isqof Emanuel Galea, nhar is-Sibt, 27 t’ Awwissu 2011, fil-Quddiesa tas-6.00 p.m. Il-Kappillan u l-Viċi Postulatur jistiednu lil dawk kollha li jinsabu fil-vaganzi f’ S. Pawl il-Baħar u lill-parruċċani kollha biex jieħdu sehem.

Il-Qaddej t’Alla, l-Isqof Galea, li l-qdusija tiegħu saħħret lil kulħadd, se jagħlaq 37 sena minn mindu mar lura f’dar il-Missier fil-21 t’ Awwissu 1974. Wara marda qasira ħafna huwa miet fl-Isptar S. Luqa u l-fdalijiet tiegħu ġew trasferiti għall-Istitut li ta ħajtu għalih.

L-Arċisqof Gonzi, flimkien ma’ numru kbir ta’ saċerdoti u folla kbira ta’ nies, ħadu sehem fil-funeral tiegħu li kien sar fil-KonKatidral ta’ S. Ġwann. Id-difna tiegħu saret fiċ-ċimiterju ta’ S. Girgor, iż-Żejtun. F’Novembru 1990, il-fdalijiet tiegħu ġew trasferiti għall-Kappella tal-Istitut, fejn jinsabu miżmuma b’qima u devozzjoni kbira. Ħafna morda u l-familji tagħhom imorru jitolbu għall-interċessjoni tiegħu fuq il-qabar tiegħu stess filwaqt li xi parroċċi u għaqdiet minn Malta kollha qegħdin jorganiżżaw pellegrinaġġi.

Ix-xhieda tagħna lkoll miġburin flimkien għal talba lit-Trinita Qaddisa bl-interċessjoni ta’ Ommna Marija Addolorata, jaqilgħulna l-grazzja kbira li dan l-Isqof Malti, gawhra ta’ qdusija, ħlewwa u paċi ikun igglorifikat minn Alla fuq din l-art u meqjum fil-Knejjes tagħna li kien iżur huwa stess biex jaqdi lill-poplu b’imħabba kbira.

Mons. Alwiġ Deguara

Viċi Postulatur