L-irvelli li seħħu din il-ġimgħa fost l-immigranti irregolari li qed jinżammu fiċ-ċentru tad-detenzjoni f’Ħal Safi qajmu reazzjonijiet qawwija, kif mistennija wara kollox. Kif, staqsew ħafna, waslu għal dan? Mhux sew li biex wieħed jipprotesta, jispiċċa biex ikisser, ifarrak, jaħraq u jinsulenta. Hemm modi oħra ta’ kif wieħed iwassal l-ilmenti jew ir-rabja li jista’ jkollu. Barra li ħafna huma tal-fehma li Malta, mill-mezzi limitati li għadha, u minkejja ċ-ċokon tagħha, qed tagħmel sforz ġenwin biex tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha bħala pajjiż ċivilizzat, u tilqa’ lil dawn ħutna li jispiċċaw ifittxu refuġju f’pajjiżna.

Imma dak li ġara dil-ġimgħa ma jistax, fil-fehma tagħna, jintlaqa’ biss minn kundanna min-naħa u oħra tal-ispektru tal-politika Maltija, u minn għadd ta’ entitajiet u individwi oħra, mingħajr ma nippruvaw nifhmu jekk hemmx xi ħaġa li tmur lil hemm mir-raġunijiet li ngħataw, bħal ngħidu aħna, li xi wħud mid-detentuti kienu ġew infurmati li t-talba tagħhom għall-ażil ġiet miċħuda u għalhekk irvellaw.

Nistaqsu aħna: nistgħu sempliċiment nibqgħu nirrepetu li l-politika tad-detenzjoni hija l-aħjar mod kif pajjiżna, fiċ-ċirkostanzi tiegħu, għandu jaffronta l-problema ‘immigrazzjoni irregolari’, meta nafu li aktar min-nofs dawk li waslu hawn b’mod irregolari f’dawn l-aħħar snin, instabu li kienet tistħoqqilhom il-protezzjoni?

Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com