“In-nies ilkoll ferħu”. Hekk naqraw fl-Evanġelju tal-lum meta dawn in-nies raw il-miraklu li għamel Ġesù li lill-mara li kienet ilha 18-il sena sħaħ marida hu jagħtiha s-saħħa mill-ġdid. In-nies setgħu jaraw is-sinjal tal-qawwa ta’ Alla li tfejjaq, li tagħti s-saħħa mill-ġdid.

Imma l-Evanġelju jurina kif kien hemm ukoll oħrajn, nies oħra. Ma’ dawn in-nies li ferħu, li kienu jafu japprezzaw, li kellhom qalbhom miftuħa għal Alla, kien hemm ukoll nies oħra li kienu kontra Ġesù. Fost dawn kien hemm il-kap tas-sinagoga li meta ra dan il-miraklu – il-mara tfiq wara dawk is-snin kollha – flok feraħ bħalma għamlu n-nies jew faħħar lil Alla bħalma għamlet hi, irrabja. L-Evanġelju jgħid li kellu “saħna fuqu”. Hemm mara li ilha das-snin kollha marida u tfiq, u int tirrabja? X’kienet ir-raġuni? Għaliex għalih is-Sibt kien sagru, bħalma kien għall-poplu kollu, imma dan kien ifisser li ma tistax tiġi biex tfiq dakinhar billi s-Sibt kien sagru. Għalhekk irrabja.

Ġesù ried jagħti messaġġ qawwi li din il-mentalità toħnoq lill-bniedem. Is-Sibt verament kien jum sagru, jum qaddis, Jum il-Mulej. Imma l-Mulej jifraħ meta jara xi ħadd li hu marid jieħu saħħtu mill-ġdid, meta jara lil xi ħadd li jista’ jgħix ħajja ġdida. Għalhekk dan mhuwiex kontra l-valur ta’ Jum is-Sibt. Ġesù ried iwassal dan il-messaġġ u speċjalment jenfasizza dan il-punt: li Alla hu dak li jeħles lill-bniedem, li jagħtih il-ħelsien veru. Għalhekk jgħidilhom: intom lill-barri jew ħmar tħolluh mill-irbit f’Jum is-Sibt biex tisquh. Allura jekk tagħmlu dan ma’ barri jew ħmar, hawn din il-mara marbuta minħabba l-marda tagħha, ma tistax tinħall, tinħeles mill-marda tagħha? Dan hu l-messaġġ li Ġesù ried iwassal b’mod ċar.

Ġesù jrid jgħid dan lilna wkoll. Jgħidilna Ġesù: Alla hu dak li lilna jeħlisna u li jgħinna ngħixu ħielsa. Ġieli jfejjaq fiżikament. Imma ġieli l-fejqan tiegħu mhuwiex fejqan fiżiku imma fejqan minn ġewwa, li tant ikollna bżonn biex ngħixu tassew ħielsa. Għalhekk anke meta Ġesù jsemmi l-kmandamenti ta’ Alla. Dawn il-kmandamenti lilna jgħinuna biex ngħixu ħielsa; mhux biex jorbtuna, imma biex tassew ngħixu fil-ħelsien li jagħtina hu. 

Għalhekk tajjeb nistaqsu aħna: x’inhu dak li f’ħajjitna jżommna marbutin, mhux ħielsa kif jixtieqna Ġesù? Jistgħu jkunu s-sentimenti tagħna – ir-rabja, jew inkella n-nuqqas ta’ maħfra, jew ir-regħba. Dawn is-sentimenti jżommuna marbutin. Jista’ jkun il-preġudizzju tagħna, bħalma kellhom dawn in-nies f’kulma kellu x’jaqsam ma’ Ġesù. Jista’ jkun id-diskors tagħna, bħalma smajna fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, diskors li jżommilna lsienna marbut mal-ħażen, diskors mhux xieraq, baxx, li jagħmel il-ħsara. U jistgħu jkunu wkoll fissazzjonijiet fuq affarijiet li jkunu tajbin, imma fissazzjonijiet li jżommuna marbutin. Alla jridna ngħixu ħielsa u jrid li f’qalbna jkollna dan il-ħelsien li hu jrid jagħtina.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja biex lilna Alla jeħlisna minn dak li bħalissa jżommna marbuta u jfixkilna fil-ħajja tagħna, jgħinna biex ngħixu tassew ħielsa, u biex bi spirtu ta’ gratitudni jkollna qalb li tfaħħar lil Alla, bħalma għamlet din il-mara meta fieqet, u nifirħu wkoll fil-Mulej kif għamlu dawn in-nies meta raw il-ħwejjeġ kbar li kien jagħmel.