L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
F’din il-mixja speċjali tar-Randan f’din is-sena, il-Mulej qed jgħallimna li, aħna min aħna, għandna bżonn il-ħniena u l-għajnuna tiegħu.
Aħna min aħna, ilkoll esposti għal periklu kbir. Huwa l-mument fejn aħna ninsew dak li jifridna u hu opportunità sabiħa biex naħfru mill-qalb lil xulxin. Il-Mulej ħerqan li jaħfrilna u jaħfrilna dejjem. Kif isibna disposti, lesti li nilqgħu l-maħfra tiegħu, lest jagħtihielna. Ġesù jagħtina din il-parabbola llum imma biex ifakkarna li jekk aħna rridu nkunu lesti nilqgħu l-maħfra mingħand Alla, qed nimpenjaw ruħna li din il-maħfra naqsmuha mal-oħrajn. Jekk jiena għandi l-wiċċ lil Alla ngħidlu: ‘aħfirli’ kif nista’ jien niċħad it-talba ta’ ħija li jgħidli biex naħfirlu?
Din il-parabbola qawwija ħafna tispjegalna wkoll dak li għallimna nitolbu Ġesù: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Anzi hu jgħid li jekk ma nagħmlux hekk, il-Mulej inkunu qed norbtulu jdejh. Il-Mulej ma jkunx jista’ jagħtina l-maħfra li aħna m’aħniex lesti u kapaċi naqsmu mal-oħrajn.
Dan ir-Randan, meta tiftakar f’xi ħadd li weġġgħek li qed jitolbok taħfirlu, jew inkella anke jekk ma talbekx, meta tiftakar fih, fik titnissel rabja kbira. Agħmel att ta’ volontà u itlob lil Alla jagħtik il-grazzja li inti taħfirlu kull darba li tiftakar fih. Tgħidli: ‘ħfirtlu, imma xorta nibqa’ mweġġa’. Il-weġgħa tibqa’ imma kull darba li nħossuha, il-Mulej qed jagħtina l-opportunità li nġeddu l-maħfra li nkunu tajna. U meta nagħmlu hekk, hu jkun qed jaħfrilna d-dnubiet tagħna.
Diversi staqsewni meta ma jkunux jistgħu jersqu lejn il-qrar f’dawn il-jiem, x’jistgħu jagħmlu? Il-Knisja tgħallem li d-dnubiet venjali li aħna nagħmlu ta’ kuljum jinħafru bil-qrar, it-talb u anke bit-tqarbina. It-talba li qed tagħmlu intom u ssegwu din it-trasmissjoni, taħfer id-dnubiet venjali. It-talba tar-rużarju li se nagħmlu flimkien taħfer id-dnubiet venjali. Min ikun konxju minn xi dnub mejjet, jagħmel att ta’ proponiment li jqerr malli jkollu ċans u l-Mulej jieħu ħsieb hu.
Ma naqtgħux qalbna mill-ħniena ta’ Alla. Biex jaħfrilna, Alla taf x’qiegħed jitlobna? Li naħfru lil xulxin.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dan 3, 25.34-43
Salm: 24 (25), 4bċ-5ab.6-7bċ.8-9
Evanġelju: Mt 18, 21-35