• Twaqqaf uffiċjalment fond għal solidarjetà volontarja (Voluntary Solidarity Fund ‑ VSF) bl‑Arċidjoċesi ta’ Malta tkun l‑ewwel kontributur biex din l‑inizjattiva tibda titħaddem. L‑għan ta’ dan il‑fond, li twaqqaf wara ħidma li saret fi ħdan il‑Fondazzjoni Pontifiċja Centesimus Annus, hu li jgħin lil dawk il‑persuni li qegħdin f’riskju li jaqgħu lura biex jegħlbu l‑isfidi tagħhom billi jsiru iktar produttivi. Dan jista’ jsir ukoll b’sostenn mogħti mill‑VSF lil dawk li jixtiequ jibdew in‑negozju tagħhom iżda m’għandhomx il‑kapital u r‑riżorsi inizjali. B’hekk dawn il‑persuni jgħixu ħajja aktar dinjituża u  jikkontribwixxu għall‑ġid komuni tas‑soċjetà.

    Dan tħabbar waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana, indirizzata mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mill‑Professur Josef Bonnici, eks gvernatur tal‑Bank Ċentrali u chairman tal‑Malta Development Bank, kif ukoll chairperson tal‑Voluntary Solidarity Fund (VSF), u minn Mario Galea, teżorier.

    L‑Isqof Galea‑Curmi rringrazzja lill‑membri tal‑Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice u faħħar din l‑inizjattiva mnebbħa mill‑appell tal‑Papa Franġisku biex jitpoġġa fil‑prattika l‑prinċipju tas‑solidarjetà u l‑ġid komuni. L‑Isqof Galea‑Curmi qal li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta ser tagħti l‑ewwel għotja ta’ €5,000 b’risq il‑VSF. Spjega li l‑ħidma ta’ dan il‑fond ser tikkumplimenta u mhux tieħu post inizjattivi oħra ta’ karità eżistenti.

    Il‑Prof. Josef Bonnici qal li l‑fond għal solidarjetà volontarja ser iħeġġeġ kumpaniji, negozjanti u persuni li jaqilgħu iktar minn dak li hu neċessarju għal ħajja komda, sabiex jikkontribwixxu b’mod volontarju għal dan il‑fond. Dan bil‑għan li l‑VSF Malta, li hija għaqda mhux governattiva, tkun tista’ tgħin billi tipprovdi mezz kif persuni jaqilgħu l‑għajxien tagħhom. Fil-fatt, il-missjoni tal-VSF hi: “Ikun ferm aħjar jekk lill-persuna tgħallimha tistad milli tagħtiha ħuta biex tikolha”.

    Fil‑każ ta’ sostenn mill‑VSF lill‑intraprendituri l‑ġodda, ġaladarba n‑negozju tagħhom ikun sejjer tajjeb, dawn iħallsu lura l‑kapital misluf mill‑VSF mingħajr interessi. Il‑flus li jitħallsu jingħataw lill‑persuni oħra li japplikaw għal din l‑għajnuna biex b’hekk titħaddem sistema ta’ ‘revolving loans’.

    Il‑Prof. Bonnici qal li għal ħafna snin, fl‑ekonomiji avvanzati madwar id‑dinja kien hemm tendenza li jiġi preżunt li kulħadd jibbenefika mit‑tkabbir ekonomiku. Però, sfortunatament, illum għandna realtà differenti. Evidenza xjentifika[1] turi li f’ħafna pajjiżi l‑ġid qed jiġi mqassam b’mod inqas ekwu b’riżultat li saff dejjem ikbar tas‑soċjetà f’pajjiżi żviluppati qed jaqgħu lura; qed iseħħ dak li jissejjaħ (socio‑economic decay). Il‑Prof. Bonnici spjega li istituzzjonijiet uffiċjali bħall‑Fond Monetarju Internazzjoni (International Monetary Fund) u l‑Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (Organisation for Economic Co-operation and Development) ħarġu twissijiet dwar l‑effetti negattivi li dan qed ikollu fuq is‑sostennibbiltà tal‑ekonomiji dinjija. L‑evidenza turi wkoll li tqassim inekwu tal‑ġid jikkawża problemi soċjali.

    Ġie spjegat ukoll li dan iqajjem mistoqsija personali kruċjali: bħala individwi li ninsabu f’sitwazzjoni finanzjarja komda, u li l‑Mulej għoġbu jipprovdilna t-talenti, x’qegħdin nagħmlu meta affaċċjati b’dawn ir‑realtajiet li jseħħu madwarna? Jista’ jkun li t‑talenti li għandna qegħdin nidfnuwhom minflok nużawhom biex nagħmlu differenza ma’ ħutna fil‑bżonn li forsi għandhom inqas talenti minna?

    Il‑fond għal solidarjetà volontarja f’Malta ser jitħaddem minn bord ta’ amministraturi ffurmat mill‑Prof. Josef Bonnici, Mario Galea u Michael Pace Ross, Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

    Il‑VSF Malta jifforma parti mill‑VSF International li twaqqaf fl‑Ingilterra fl‑2017.

    [1] A Moral Response to Increasing Income Inequality: Setting up a Voluntary Solidarity Fund, Josef Bonnici, Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice, Konferenza Internazzjoni fil‑Vatikan, Mejju 2016. Ir‑rapport huwa aċċessibbli mill‑websajt tal‑VSF International: www.thevsfinternational.org  fis‑sezzjoni ‘About VSF International’ taħt ‘History of VSF’.