• L-Isqof Charles J. Scicluna fil-Brażil għaċ-ċelebrazzjonijiet 
    tal-Jum Dinji taż-żgħażagħ

  • L-Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna, jinsab il-Brażil biex fimkien maż-zgħażagħ Maltin jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali, li ser jitmexxew mill-Papa Franġisku, jibdew nhar it-Tlieta 23 ta’ Lulju, fil-belt ta’ Rio de Janeiro. 

    Matul dawn il-jiem, l-Isqof Scicluna qed iżur parroċċa f’ Rolandia, fl-istat tal-Paraná, fejn iż-żgħażagħ Maltin qed jagħmlu xogħol volontarju fil-komunità. Din il-parroċċa, iddedikata lil San Ġużepp, hija mmexxija minn Dun Jose Agius, qassis Għawdxi.    
    ​             
    L-Isqof Scicluna qed isegwi mill-qrib il-ħidma li ż-żgħażagħ Maltin qed iwettqu mal-anżjani, mal-morda fl-isptar, mat-tfal u ż-żgħażagħ, u mal-familji fil-bżonn. Hu kellu l-opportunità  jiltaqa’ wkoll mas-saċerdoti u r-reliġjużi Maltin li qed iwettqu ħidma missjunarja fil-Brażil.
    Id-delegazzjoni Maltija, li qed tiġi koordinata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ), mistennija thalli l-istat tal-Paraná l-Ġimgħa 19 ta’ Lulju, filgħaxija, lejn il-belt ta’ Jundiai, fejn ser tiltaqa’ mal-Isqof Malti Vincent Costa.
    It-Tnejn li ġej, iż-żgħażagħ Maltin mistennija jaslu f’Rio de Janeiro għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. It-tema għal din is-sena hi “Morru, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28:19).