• On Thursday evening, 13th April 2017, at 6.30 p.m., Archbishop Charles J. Scicluna celebrated the Commemoration of the Lord’s Supper, at St John’s Co-Cathedral, Valletta.

  • The Celebration of Mass on YouTube

  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    13 ta’ April 2017

    “Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu” (S 115). Hekk kantajna fis-Salm Responsorjali ta’ din it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal-Mulej. Il-Mulej iddeċieda qabel ma miet li l-kalċi tal-ikla tal-Għid isir kalċi tax-xirka, kalċi ta’ komunjoni, xirka partikolari, huwa xirka mad-demm tiegħu stess.

    Id-demm ifisser il-ħajja. Il-Papa Benedittu XVI fil-ktieb tiegħu Ġesù ta’ Nazzaret, meta jitkellem fuq id-demm fit-tradizzjoni Ebrajka u anke fit-Testment il-Ġdid, ifehemna li d-demm ifisser il-ħajja. Li xxered id-demm ifisser li tagħti l-ħajja. Id-demm ta’ Kristu huwa wkoll xirka ma’ kejl profond u estrem ta’ mħabba. “M’hemmx imħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15, 13), għal maħbubin tiegħu.

    Waqt li llum qed niċċelebraw b’mod solenni, infakkru dawn id-deċiżjonijiet straordinarji ta’ Ġesù, li huma s-sinsla u r-ruħ tal-Knisja. It-twaqqif tal-Ewkaristija, it-twaqqif tas-saċerdozju ‑ li jipprovdi l-Ewkaristija u jagħti l-maħfra tad-dnubiet ‑ u l-kmandament tal-imħabba li jiġborhom ilkoll. “Tajtkom eżempju” (13, 15), tajtkom fuq xiex timxu. Il-kmandament tal-imħabba l-Mulej isejjaħlu “ġdid” (ara v. 34) għaliex il-kejl tiegħu hija storja li qatt ma nstemgħet: li Alla li sar bniedem imut biex aħna ma mmutux, li Alla li jsir bniedem ixerred demmu biex bħalma tlabna fil-bidu ta’ din il-quddiesa, aħna jkollna l-milja tal-imħabba u tal-ħajja (ara il-Kolletta).

    Il-ġest li bih aħna se nfissru dan kollu huwa ġest ta’ umiltà imma wkoll huwa ġest ta’ mħabba. “Kif għamilt jien” qalilna, “hekk għamlu intom ukoll, aħslu saqajn xulxin” (v. 14), kunu qaddejja ta’ xulxin. Il-ħasil tar-riġlejn mhux biss huwa rit imma wkoll huwa stedina biex aħna nkunu nistgħu ngħalqu l-bieb għat-triq u niltaqgħu flimkien bħall-aħwa għall-ikla. Il-ħasil tar-riġlejn kien b’xi mod l-antiporta għall-ikla ta’ flimkien. Il-geġwiġija, it-trab, il-ħmieġ tat-triq kellhom jinħaslu biex imbagħad kulħadd kien jista’ joqgħod flimkien u b’idejn u b’riġlejn indaf jissieħeb fl-ikla tal-komunjoni, tal-imħabba.

    Ġesù jagħti lill-kultura profonda orjentali tal-ospitalità, sinjifikat ġdid għaliex fl-Orjent ma tiekolx ma’ min ma taqbilx miegħu, ma tistednux għall-ikel, imma jekk tistiednu għall-ikel inti dħalt f’patt miegħu, patt ta’ lealtà, ta’ protezzjoni u ta’ mħabba u l-ikbar tradiment huwa li l-ospitalità tbiddilha fi qtil u għandna ħafna wkoll eżempji fl-istorja ta’ din it-traġedja umana ta’ tradiment.

    Ġesù jgħaddi minnha wkoll u jaħsel saqajn min kien se jittradih, jagħżel li jkun qaddej tiegħu, jistiednu għall-ikla tal-aħwa, għall-ikla tal-Għid li tiċċelebra l-ħelsien tal-poplu Lhudi u fl-istess ħin jistiednu jerġa’ jaħsibha. Imma l-Mulej jirrispetta l-libertà ta’ kull wieħed u waħda minna. “Kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi” (1 Kor 11, 26), din il-mewt li tatna l-ħajja.

    Ejjew illum nirringrazzjaw lill-Mulej, anke wara l-quddiesa jkollna l-opportunità nieqfu fis-silenzju quddiem il-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija biex ngħidulu ‘grazzi’ talli hu Alla li sar bniedem, iddeċieda li jaħslilna saqajna, jippurifikana, iġġeddidna u  jaħfrilna dnubietna ħalli b’hekk jippreparana  biex inkunu miegħu fil-mejda tal-komunjoni, tat-tqarbin, it-tqarbin li jqarribna miegħu, u ma’ Alla u anke bejnietna, it-tqarbin li huwa ikla tal-qraba ta’ Ġesù.

    Ejjew nitolbu wkoll biex aħna nitgħallmu minnu jkollna mħabba universali. Il-Mulej, fil-ħniena tiegħu, ibiegħed minna, mill-kultura tagħna, kull mibegħda, kull intolleranza u jagħtina spirtu umli li bih nilqgħu lil xulxin b’imħabba anke lil dawk li ma jaqblux magħna jew li m’għandhomx il-kultura tagħna. L-Ewkaristija tisfidana biex nippurifikaw u mwessgħu l-imħabba tagħna. “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien” (Ġw 13, 34).

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Photos/Feature: Curia Communications Office