L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Din hija t-tieni parabbola li Ġesù stess jispjega, u kollox f’din il-kollezzjoni ta’ parabboli li nsibu f’kapitlu 13 ta’ San Mattew, tnejn minnhom huma spjegati minn Ġesù stess. Il-Ħadd li għadda smajna l-parabbola taż-żerriegħa li taqa’ f’diversi tipi ta’ art, u Ġesù jispjega xi tfisser din il-ħaġa; u llum, għalkemm l-ambjent huwa agrikolu, Ġesù għandu intenzjoni oħra meta jitkellem fuq l-għalqa tal-qamħ u s-sikrana; u l-ispjega tiegħu hija ċara ħafna. Peress li spjegahilna, m’hemmx għalfejn nivvintaw spjegazzjoni oħra, aħjar nilqgħu l-ispjega tiegħu. Imma, forsi d-dover tagħna llum, f’din ir-riflessjoni qasira hija: imma din il-Kelma ta’ Ġesù, għalija, għalina, forsi anke għas-soċjetà tagħna, għad-dinja, xi tfisser?
L-ewwel nett Ġesù, li jkellimna ċar ta’ ħabib tassew li hu, donnu ma jiskandalizzax ruħu bil-fatt, li fl-għalqa tad-dinja, kif isemmiha hu, se jkun hemm ulied is-saltna li jippruvaw jagħmlu t-tajjeb; u se jkun hemm ukoll dawk, li sedotti mix-xitan, jingħataw għall-ħażen, ulied il-ħażen; u li se jkunu mħallta u jgħixu flimkien. Ir-reazzjoni tagħna hi li lill-Mulej ngħidulu: mhux aħjar il-ġudizzju tagħmlu issa u tnaqqi ftit minn dak li qed iħabbtek u jħabbat lilna? Għax aħna, donna għandna inqas paċenzja milli għandu hu, u kultant ninsew, li għalkemm donnu qed jitkellem fuq żewġ tipi ta’ persuni, it-tajjeb u l-ħażin, jaf ukoll isib il-bejta fil-qalb tagħna; li nsibu ruħna taħlita ta’ wild id-dawl u wild id-dlam. Il-Mulej jgħid, li kieku kelli naqtgħalkom raskom ma jibqagħli ’l-ħadd! Mhux aħjar nieħdu paċenzja bina nfusna u anke b’xulxin.
Imma dan ifisser, li aħna l-ħażin ngħidulu tajjeb, u t-tajjeb ngħidulu ħażin? Ma naħsibx li dik hi l-intenzjoni ta’ Ġesù. Anke għaliex, Ġesù jitkellem ċar fuq il-ġudizzju. Kultant nibżgħu minn din il-kelma; imma Ġesù, meta jitkellem fuq il-ħsad, wara li l-Mulej ikun għamel paċenzja kbira, jitkellem dwar il-ġudizzju, għax għal Ġesù l-ħsad huwa ġudizzju. Jiġi l-mument fejn it-tajjeb jieħu premju, u l-ħażin li jkun għażel il-ħażin għax irid hu, se jkollu jgħix il-konsegwenzi tal-għażla tiegħu.

Issa l-Ktieb tal-Għerf jagħti dawl ukoll fuq il-kelma ta’ Ġesù. Hemm din il-kelma, li lili tagħtini ħafna kuraġġ, irrid nammetti: “Din it-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek, li inti tagħti żmien għall-indiema ta’ dnubiethom” (Għerf: 12:19). Kultant il-paċenzja ta’ Alla tfisser li jagħtik iż-żmien tibdel ħajtek, tbiddel fehmtek, issir nies u tgħix aħjar. U dan il-mument, jista’ jkun anke mument qasir ħafna. Wieħed jiltaqa’ mal-ħniena ta’ Alla u jkollu l-indiema ta’ dnubietu f’teptipa ta’ għajn. U għalhekk diffiċli tiġġudika d-destin ta’ bniedem għax dak hu misteru li huwa ta’ Alla biss.
Ħafna drabi, anke meta niġġuddikaw lilna nfusna, nieqfu fuq il-fallimenti ta’ ħajjitna, u ninsew nammiraw kemm Alla jieħu paċenzja bina u jħenn għalina.
Allura, nifhmu għaliex Ġesù jgħidilna: tiġġudikawx, il-ġudizzju ħalluh għal Alla, għax Alla se jieħu paċenzja, se jagħmel dak kollu li jista’ biex jagħti ż-żmien biex il-bniedem jindem għal dnubietu; għax din issalvana. Ħafna drabi, anke meta niġġuddikaw lilna nfusna, nieqfu fuq il-fallimenti ta’ ħajjitna, u ninsew nammiraw kemm Alla jieħu paċenzja bina u jħenn għalina. U meta nagħmlu din l-esperjenza jkollna qawwa li nieħdu paċenzja b’xulxin u b’ħaddieħor; għax irridu nammettu li trid tkun wiċċek tost li tippretendi li Alla jieħu paċenzja bik, imma b’ħaddieħor le. Almenu, Alla li huwa raġonevoli, jifhem li dak li jippretendi li jagħmel miegħek, għandu l-qawwa li jagħmlu ma’ ħutna kollha, kollha.

Il-Mulej ukoll, bejn il-parabbola tas-sikrana u l-ispjega, jagħtina żewġ tixbihat, waħda wkoll mid-dinja agrikola, din iż-żerriegħa ċkejkna tal-mustarda li tikber; u allura qed jagħti kuraġġ lil kull min jibda fiċ-ċkejken u ma jafx x’se jsir mill-inizjattiva tiegħu, opra ta’ ġid. F’ħin minnhom bir-regoli tad-dinja tgħidilna li mhux se mmexxu. Imbagħad taraha tikber għax mhux inti qed tieħu ħsiebha. Jew tibda bil-kbir u l-ħaġa tiswa fix-xejn, għax ma tkunx propjament ta’ Alla, imma tkun naqra wisq tiegħek.
Irridu nammettu li trid tkun wiċċek tost li tippretendi li Alla jieħu paċenzja bik, imma b’ħaddieħor le
Ejjew liż-żerriegħa ċkejkna tal-mustarda ġo qalbna, nitolbu li tkun dejjem tal-Mulej, biex ikabbarha hu. Dik il-mara, li bi ftit ħmira, tgħolli għaġna kbira, hija wkoll il-Knisja, li fil-preżenza żgħira u umli, taf tagħmel ħafna ġid.

Dawn iż-żewġ parabboli, Ġesù jużahom mhux biss biex jagħmlilna kuraġġ, imma biex jgħallimna l-istil tal-Evanġelju, li ma jibżax miċ-ċokon li jikber, u mill-preżenza umli li tagħmel ħafna ġid.
Għandi quddiemi l-katekisti tagħna. Nitlob għalikom bl-interċessjoni tal-fundatur, San Ġorġ Preca, biex il-Mulej ikompli jkabbar din iż-żerriegħa ċkejkna li żera’ fil-qalb ta’ Dun Ġorġ fil-bidu ta’ seklu 20.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 12:13,16-19
Responsorju: 85 (86):5-6,9-10,15-16a
Qari II: Rum 8:26-27
L-Evanġelju: Mt 13:24-43





