pexels.com – Photo by Jeswin Thomas

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu” (Lq 2:10). Dan hu l-messaġġ li l-anġlu tal-Mulej qal lir-rgħajja, meta dehrilhom bil-lejl, waqt li kienu għassa mal-merħla, biex iħabbrilhom li twieled Ġesù, li l-anġlu sejjaħlu: il-Messija, is-Salvatur, il-Mulej.  F’din l-Aħbar hemm diġà dak li hu l-iktar importanti aħna u niċċelebraw il-lejl tal-Milied. L-anġlu qalilhom b’mod ċar, speċjalment meta qabadhom biża’ kbir, li ma kellhomx għalfejn jibżgħu, ma kellhomx minn xiex jibżgħu, anzi kellhom għalfejn jifirħu, għax dak li twieled hu dak li jġib il-ferħ.

L-ewwel li ferħu: Marija u Ġużeppi

Hu b’dan il-mod li beda jinxtered il-ferħ tat-twelid ta’ Ġesù. L-ewwel ma ferħu bih kienu Marija u Ġużeppi, li kienu qed jistennew dan it-twelid, u tħabtu biex isibu post għalih fejn jista’ jitwieled imma “ma kienx hemm post għalih fil-lukanda” (Lq 2:7), kif naqraw fl-Evanġelju. Ferħu t-tnejn li huma meta twieled, għax raw li dak li għożżew u dawru b’imħabba mill-ewwel mument tat-tnissil tiegħu – meta kien għadu ftit ċelloli imma dawk iċ-ċelloli kienu diġa Ġesù binhom – issa twieled. Ferħu għax fit-tarbija raw dak li kienu qed jistennew mhux biss huma imma l-poplu kollu. 

Tagħhom ma kienx ferħ ġej mill-pjaċir – ma kienx ta’ pjaċir li ma jkollokx post fejn twelled it-tarbija, ma kienx ta’ pjaċir li tqiegħed it-tarbija f’maxtura. Ma kienx ta’ pjaċir li twelldu f’kundizzjonijiet ħżiena. Il-ferħ ma kienx ġej mill-pjaċir imma mill-imħabba kbira ta’ din l-omm, Marija, u tar-raġel tagħha Ġużeppi, u mill-imħabba kbira li kienet tfisser dik it-tarbija: l-Iben ta’ Alla li sar bniedem fostna.

Ir-rgħajja ssieħbu f’dan il-ferħ kbir

Ma’ Marija u Ġużeppi ssieħbu wkoll ir-rgħajja, nies ta’ ħajja ordinarja, li ma kellhomx f’moħħhom li qed jistennew it-twelid ta’ tarbija, imma li kellhom ix-xorti jkunu tal-ewwel li jisimgħu l-Aħbar u jaraw din it-tarbija. Is-sinjal li tagħhom l-anġlu kien sinjal ċar – “tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12) – imma sinjal stramb ukoll meta kien għadu kif qalilhom li twieled il-Messija, is-Salvatur, il-Mulej. Dawn ir-rgħajja setgħu jifirħu b’din it-tarbija u fil-fatt ħallewha tmissilhom qalbhom u timlieha bl-imħabba.

Dawn kienu l-ewwel nies. Araw il-kuntrast f’dan l-Evanġelju: Ċesari Awgustu jagħmel ċensiment biex jgħodd in-nies, għax il-poter jieħu pjaċir bin-numru kbir ta’ poplu. Ġesù, Alla li sar bniedem fostna, jagħżel li jitwieled fil-faqar, ma’ ftit nies ta’ ħajja mill-aktar ordinarja. 

Nixtieq li aħna nissieħbu llum ma’ dawn il-ftit nies. Nerġgħu niskopru l-ferħ li ġej mill-għar ta’ Betlehem, aħna u nħarsu lejn it-tarbija u nħallu lil Ġesù tarbija jkellimna u jferraħna.

B’liema mod iferraħna Ġesù tarbija?

Il-qawwa tal-imħabba

Jurina l-qawwa tal-imħabba. Għalina Alla sar bniedem fostna, bħalna, biex jifdina. Għalija, għalik, għal kull wieħed u waħda, sar bniedem għax iħobbna, u biex iwasslilna bl-aktar mod ħaj l-imħabba tiegħu u jimliena bl-imħabba tiegħu. Fil-għar ta’ Betlehem hemm festa ta’ mħabba. Ġesu bambin jurina li hi l-imħabba li tagħti s-sens lill-ħajja u l-isbaħ esperjenza fil-ħajja. Nilħqu l-milja f’ħajjitna meta nkunu maħbuba u nħobbu tassew, u dik hi l-esperjenza tal-għar ta’ Betlehem.

Il-valur tas-sempliċità

Jurina l-valur tas-sempliċità. Għażel l-aktar mod sempliċi biex jitwieled fostna, tarbija f’maxtura. Hi fil-ħajja sempliċi u ordinarja li nistgħu ngħixu l-esperjenza qawwija tal-Milied. Aħna kultant inkunu rridu nibdlu l-istil ta’ Alla, u tiġina t-tentazzjoni li nikkoreġu s-sempliċità tiegħu. Jista’ jkun naħsbu li mhuwiex dekor li l-Iben ta’ Alla jitwieled b’mod daqshekk sempliċi. U għalhekk inkunu nixtiequ nżidulu, għax narawh sempliċi wisq. Imma Ġesù bambin jgħallimna kemm il-frugħat tad-dinja – l-unuri, il-privileġġi, dak kollu li jsir biex jimpressjona lin-nies – huma bla sugu f’għajnejn Alla, u lilu ma jimpressjonawhx. Hi s-sempliċità t-triq li jagħżel Alla. 

L-għożża tal-ħajja

Jurina l-għożża tal-ħajja. Kull tarbija li titwieled hija innu favur il-ħajja, u meta l-Iben ta’ Alla sar tarbija, wasslilna dan il-messaġġ favur il-ħajja. Kull meta nħarsu lejn Ġesù tarbija jfakkarna li aħna għandna dejjem ngħożżu l-ħajja f’kull waqt tagħha. Ngħożżuha mill-ewwel mument tagħha, meta hi fil-ġuf u meta l-omm trid kull appoġġ u solidarjetà fi żmien li għandha ħajja umana ġdida. 

Il-ġuf mhuwiex container ta’ xi għamla, imma hu l-post għażiż fejn l-omm qed tagħmel l-akbar att ta’ mħabba għax qed issostni kontinwament lil min hu l-iktar dipendenti u vulnerabbli, lil min jekk titilqu waħdu, ma jkampax. Għalhekk Ġesù tarbija jfakkarna fl-għożża tal-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha u f’kull waqt tagħha. Ifakkarna wkoll li s-saħħa tas-soċjetà titqies mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Hu messaġġ tassew sabiħ għalina personali, għall-Knisja, u għas-soċjetà Maltija.

Aħna u nifirħu llum f’din il-ġurnata hekk sabiħa tat-twelid ta’ Ġesù, nitolbu llum lil Ġesù tarbija biex jgħinna nilqgħu l-messaġġ tiegħu: li nagħrfu l-qawwa tal-imħabba, li nagħmlu l-għażla tas-sempliċità li hi l-istil tiegħu, u ngħożżu dejjem il-ħajja umana. 

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta