Il‑Knisja u s‑saċerdot kif jistgħu jkunu strument ta’ tama u fejqan fis‑soċjetà? Kif iħossu s‑saċerdot quddiem il‑ġrieħi tal‑persuni li jiltaqa’ magħhom? Is‑sagrament tar‑rikonċiljazzjoni x’futur għandu? Dawn huma ftit mill‑mistoqsijiet li saċerdoti djoċesani u reliġjużi ddiskutew fil‑jiem li għaddew waqt il‑laqgħa annwali tal‑Aġġornament għall‑Kleru bi tħejjija għall‑Ġublew tat‑Tama li se jsir is‑sena d‑dieħla.
Għal dawn il‑jiem ġie mistieden Prof. Johan de Tavernier, professur tat‑Teoloġija Etika, li stieden lis‑saċerdoti jirriflettu fuq kif il‑Knisja u s‑saċerdoti jistgħu jkunu effettivi fid‑dinja tal‑lum u x’inhuma l‑kwalitajiet li jistgħu jibnu fuqhom biex ikunu pellegrini tat‑tama u ministri ta’ rikonċiljazzjoni.
Matul l‑Aġġornament, il‑President Emeritu Marie‑Louise Colerio Preca, Desmond Zammit Marmarà u Peppi Azzopardi għenu lis‑saċerdoti jifhmu kif it‑tiftix għall‑verità iwassal lill‑Knisja tkompli tispira fiduċja u tama hi u twassal il‑messaġġ tagħha. Waqt il‑workshops, il‑lajċi u s‑saċerdoti qasmu l‑esperjenzi tagħhom, kemm tat‑tip ta’ weġgħat li jiltaqgħu magħhom kif ukoll ta’ inizjattivi li ħallew il‑ġid. Fost l‑oħrajn semmew kif fid‑dinja mgħaġġla tal‑lum, in‑nies huma mixtieqa minn persuna li tismagħhom u tilqagħhom mingħajr ġudizzju.
L‑Isqof Anton Teuma tkellem fuq is‑sagrament tal‑qrar bħala esperjenza tal‑imħabba b’xejn kontinwa ta’ Alla. Din il‑maħfra ta’ Alla turi l‑qawwa tagħha meta tagħmilna nies ġodda u terġa’ tqabbadna t‑triq lejn it‑tajjeb. Huwa identifika numru ta’ sfidi fil‑prattika tal‑qrar, fosthom il‑perfezzjoniżmu u l‑importanza żejda tal‑aspett uman tal‑qrar.
L‑Aġġornament tal‑Kleru ntemm b’messaġġ mill‑Arċisqof Charles Scicluna fejn apella lis‑saċerdoti biex bi kliemhom, bl‑eżempju u bis‑sagrifiċċji tagħhom ikunu verament ambaxxaturi tat‑tama. Stedinhom sabiex waqt is‑sagrament tar‑rikonċiljazzjoni juru mogħdrija mal‑persuna li ġiet tqerr u verament tħoss il‑paċi f’qalbha. L‑Arċisqof fakkar li l‑missjoni tas‑saċerdot hi li jkun missjunarju tal‑ħniena u rappreżentant ta’ Ġesù u għalhekk irid ikollu l‑qalb, il‑ħarsa u l‑atteġġjament tiegħu mal‑proxxmu.
L‑Aġġornament tal‑Kleru ġie organizzat bejn l‑20 u t‑22 ta’ Mejju 2024 fis‑Seminarju tal‑Arċisqof.