Nhar il-Ħamis 22 ta’ Diċembru 2011, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. inawgura l-ewwel fażi tal-Mużew Diġitali tal-Migrazzjoni li qed isir mill-Kummissjoni Emigranti fil-bini ta’ Dar l-Emigrant, Valletta.  L-inawgurazzjoni saret waqt l-okkażjoni soċjali tal-Milied li l-Kummissjoni Emigranti torganizza kull sena għall-operaturi u l-voluntiera fid-diversi ħidmiet tagħha.

Dun Alfred Vella, Direttur tal-Kummissjoni Emigranti, spjega li l-ewwel fażi tal-mużew, li x-xogħol fuqha qed isir mill-Grupp Exalta, tħaddan sistema ta’ digital collection management li tirrekordja, tikkonsolida u tippriserva d-dokumentazzjoni kollha li għandha l-Kummissjoni Emigranti dwar l-emigrazzjoni minn Malta.   S’issa tlesta x-xogħol estensiv li kien meħtieġ li jsir fis-sala fejn qed issir it-taqsima prinċipali tal-Mużew Diġitali.  Is-sala tħejjiet b’mod li barra milli tkun il-qalb tal-mużew diġitali, tkun tista’ tintuża wkoll għal ċerti attivitajiet bħal taħditiet.

Sar ukoll u beda jopera l-Information Podium diġitali ċentrali.  Dan il-podium, li jinsab fl-istess sala, sar bl-għajnuna tal-Vodafone Malta Foundation.  Il-podium għandu tmien screens tal-LEDs, tmien interfaces b’touch screen u kompjuters biex iħaddmu s-sistema diġitali.  Il-podium jagħti l-opportunità li jintwerew numru kbir ta’ oġġetti b’mod interattiv.  Kull min iżur il-mużew se jkun jista’ juża l-podium biex ifittex fl-informazzjoni diġitali permezz ta’ movimenti bl-idejn.

Fr. Vella semma li l-Gvern wiegħed li jgħin finanzjarjament lill-proġett.  Il-Kunsill tal-Mużew tal-Migrazzjoni ġie nfurmat li din id-donazzjoni se sseħħ fil-ġimgħat li ġejjin.  Benefettur prinċipali ieħor tal-Mużew tal-Migrazzjoni huwa s-Sur Luke Gauci.  Il-Kunsill qed jittama li jkun hemm aktar benefatturi biex il-proġett ikun jista’ jimxi ’l quddiem.

Il-pass li jmiss se jkun l-akkwist ta’ aktar faċilitajiet teknoloġiċi għall-ksib ta’ informazzjoni diġitali fis-sala prinċipali, l-organizazzjoni ta’ arkivju u librerija f’taqsima oħra tal-mużew, u t-tħejjija ta’ film dwar l-emigrazzjoni mill-gżejjer Maltin biex jintwera fl-auditorium ta’ Dar l-Emigrant li digà qed jopera b’teknoloġija avvanzata.  L-ippjanar ta’ dawn il-fażijiet se jimxi skond il-fondi disponibbli għall-proġett.

Mons. Philip Calleja, Fundatur tal-Kummissjoni Emigranti u President tal-Kunsill tal-Mużew tal-Migrazzjoni, spjega li l-iskop prinċipali tal-mużew huwa li jirregistra l-istorja ta’ kif nibtet u kibret l-emigrazzjoni, li effetwat lil ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Maltin, kif ukoll kif seħħet l-integrazzjoni tal-komunitajiet ta’ emigranti Maltin fid-diversi pajjiżi fejn emigraw u x’kien il-kontribut tagħhom f’dawn il-pajjiżi.  Huwa ttammat li l-muzew jgħin ukoll biex jissaħħaħ is-sens tal-emigranti u wliedhom dwar l-oriġini Malti tagħhom u hekk iżommhom f’rabta ma’ artna minkejja l-firda ġeografika u l-varjazzjonijiet kulturali.  Skop ieħor huwa li l-mużew jgħin ukoll biex il-komunità tagħna tifhem aħjar ir-realtà tal-fenomenu tal-migrazzjoni f’Malta u s-siwi tal-valur tal-inklużjoni soċjali.

L-Arċisqof Cremona tkellem fuq il-valur tal-inizjattiva tal-mużew tal-migrazzjoni biex tkun tista’ tinżamm u tiġi apprezzata l-memorja tal-ġrajja umana tal-emigrazzjoni.

Il-Kummissjoni Emigranti qed tieħu l-inizjattiva tal-Mużew tal-Migrazzjoni fil-kontest tas-sehem attiv ewlieni li hija  kellha għal bosta snin fil-proċess kollu ta’ assistenza lill-emigranti minn Malta.  Il-Kummissjoni għandha memorabilja estensiva.  Din  tinkludi dokumentazzjoni uffiċjali u mhux uffiċjali, ritratti, gazzetti minn madwar id-dinja, oġġetti, ċertifikati, rikordji personali u ġenerali, stejjer u ittri.

In-nies ta’ oriġini Maltija li jinsabu f’artijiet oħrajn huma mxerrdin kważi f’kull rokna tad-dinja.  Jinsabu l-iżjed fid-destinazzjonijiet prinċipali fejn seħħet l-emigrazzjoni Ewropea min-nofs is-seklu dsatax ’il hawn.  Ħafna studjużi huma tal-fehma li n-numru tan-nies ta’ oriġini Maltija f’dawn l-artijiet u f’oħrajn, jaqbeż sew dak tal-popolazzjoni ta’ Malta.

Click on the photos to enlarge. The photos of the Archbishop’s events may be obtained from PHOTOCITY, Valletta. Tel: 21236723. Email: [email protected]