L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan l-Evanġelju li għadna kemm smajna u li huwa mill-aħħar kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark, aħna l-Maltin inqisuh bħala Evanġelju għażiż. Naqrawh fil-festa tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl. Naqrawh ukoll proprju fil-festa ta’ San Ġorġ Preca, li biex nikkwotaw lil San Ġwanni Pawlu II, huwa meqjus bħala t-tieni Missier tagħna fil-fidi. 

Imma għaliex intgħażel dan l-Evanġelju għal din il-festa? Għaliex fih hemm il-kmand li Ġesù jagħti lid-dixxipli tiegħu: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Dan il-kmand ta’ Ġesù jfakkarna fit-talba li kkompona Dun Ġorġ (kif nafuh, avolja San Ġorġ, imma aħna nibqgħu nafuh bħala Dun Ġorġ, bħalma Don Bosco jibqa’ Don Bosco, avolja San Ġwann Bosco) meta xi ħadd mill-ewwel dixxipli tiegħu, fuq l-għatba tal-bieb tal-ewwel post fejn kienu jiltaqgħu, kiteb: MUSEUM. Din weħlet din il-ħaġa, li l-għaqda hija tal-MUSEUM. Dun Ġorġ ma xtaqx jibdel dan l-isem, imma għamel talba minn din il-kelma MUSEUM. Ħa ngħiduha bil-Latin, kif kitibha hu, għax Dun Ġorġ kien iħobb jgħallimhom ukoll il-Latin u l-Grieg lil dawn il-ħaddiema tat-Tarzna li kienu l-ewwel dixxipli tiegħu: ‘Magister, utinam sequatur Evangelium universus mundus’, li tfisser, ‘Mgħallem, jalla d-dinja kollha timxi fuq l-Evanġelju tiegħek”. Il-Mulej jgħid: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Din hija t-talba li ħarġet mill-qalb ta’ Dun Ġorġ. 

Għalhekk għallem lill-ħaddiema tat-Tarzna, lill-ħaddiema tat-triq, lin-nies tal-id, lis-saċerdoti, lis-seminaristi, lil kulħadd. Kull min kien jersaq lejh dejjem kien jitlaq, mhux dejjem b’xi togħma tajba. Dun Ġorġ kien jaf iċanfar. Kieku jkollu jkellimna llum, min jaf x’erba’ kelmiet ivenvnilna! Imma kien ukoll bniedem li ddedika ruħu għall-qrar, u f’wieħed mill-kotba sbieħ tiegħu – għax Dun Ġorġ kiteb 135 ktieb żgħir; qatt ma kiteb fit-tul. Imma fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, meta kien irtirat f’dar f’Ħaż-Żebbuġ, kellu ċans iżjed jikteb, u f’dak il-perjodu tal-gwerra kiteb ħafna kotba, ċkejknin, mimlijin tagħlim u anke spiritwalità – wieħed minnhom huwa ‘Is-Salm Evanġeliku ta’ Sirjaku’. Hija poeżija twila li fiha jkellem lil Ġesù, bħalma ħabib ikellem lill-ħabib tiegħu. F’ħin minnhom, lil Ġesù jgħidlu fuq il-qrar: ‘Inti tajtna l-grazzja li ninħaslu fid-demm tiegħek fis-sagrament tal-qrar’. Kemm hi espressjoni sabiħa din ta’ Dun Ġorġ! Dun Ġorġ, din il-ħaġa kien jamministraha, kien jagħmel ħafna sigħat iqarar. Anke wara l-Quddiesa li kien iqaddes Fra Diegu għand is-sorijiet, kien ikun hemm kju ta’ nies jitolbuh xi grazzja, jitolbuh parir, jitolbuh anke xi dawl fuq is-sitwazzjoni tagħhom. Il-poplu tagħna għaraf f’Dun Ġorġ benefattur, għalliem u anke qaddej fidil ta’ Ġesù. Nitolbu ħafna l-interċessjoni tiegħu għall-poplu tagħna, għall-poplu ta’ Malta u ta’ Għawdex.

Waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. Ma naħsibx li kellu l-idea li jkun fundatur. Meta ġie dan il-ħsieb u mar għand il-konfessur tiegħu, qallu: ‘Jiena ġieni dan il-ħsieb’ u kiteb wara, ‘Jiena mort b’din id-dispożizzjoni; jekk jgħidli le, ninsa kollox’. Imma l-konfessur ma qallux ‘le’. Qallu: ‘Mur u ara x’tista’ tagħmel. Ibda.’ Ovvjament, peress li kienet opra ta’ Alla, kellha t-tfixkil. Għaddiet mill-għarbiel tas-sofferenza, tal-umiljazzjoni; u l-inkjesta tal-1916, ordnata mill-predeċessur tiegħi Mauro Caruana, kienet mument iebes ħafna, mhux biss fl-1910, meta qalulu ‘għalaq kollox’, imbagħad il-kappillani qabżu għalih, imma anke dik l-inkjesta kienet iebsa u kellu jbiddel ċertu affarijiet li llum niskantaw. Pereżempju għażel li jkunu Diretturi Spiritwali ta’ xulxin, xi ħaġa li l-Papa Franġisku qalha ftit tax-xhur ilu. Imma qalulu li ma jistax ikun li xi ħadd mhux saċerdot ikun direttur spiritwali. Ara ż-żmien kemm jinbidel l-aħwa! Qallhom, ‘allura nsejħulhom parrini’. Dun Ġorġ kien jgħid li ‘min ma jkollux parrinu mhux membru tas-Soċjetà, mhux iben jew bint tiegħi’. Għax imbagħad, hu kien strett fuq l-attendenza, fuq id-dover, fuq il-fedeltà lejn il-Papa. L-ewwel isem tal-aħwa tiegħu kien ‘Ulied il-Papa’. Ivvinta kelma mill-Grieg ‘Papidi’, li l-etimoloġija tagħha tfisser ‘Ulied il-Papa’. Dan kien l-ewwel isem li ta lis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija.

Aħna ta’ min nitolbu l-interċessjoni ta’ Dun Ġorġ b’mod speċjali fuq Malta. Jiena nixtieq nitlob din il-grazzja, bl-interċessjoni tiegħu. Fost il-ħafna kotba li kiteb, kiteb ktieb żgħir li s-Soċji jaqrawh l-għada tal-Milied, kull sena fis-26 ta’ Diċembru, b’tifkira ta’ San Stiefnu. Dak kien l-ewwel martri li ħafer qabel miet. Huwa l-ittra popolari fuq il-manswetudni. Il-manswetudni hija l-qawwa li taħfer lill-għedewwa tiegħek. Huwa semmieha ‘Ittra popolari’. Kien jifhem, Dun Ġorġ, mill-qrar li sema’, l-inkwiet fil-familji minħabba l-wirt, kultant jonqosna xi ħadd li ma nkunux irridu naħfru, kemm il-manswetudni ġġib paċi, u kemm in-nuqqas ta’ maħfra jġib inkwiet. Nitolbu għall-interċessjoni tiegħu biex aħna, jekk għandna xi ġebla fiż-żarbun, xi żrara fiż-żarbun, neħilsu minnha, għax ma tħallikx timxi tajjeb din iż-żrara fiż-żarbuna. Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca biex ikollna l-qawwa li naħfru, u naħfru lil xulxin mill-qalb.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Sir 21:11-17, 21
Salm: 119:33-42
Qari II: 2 Tim 2:1-11
L-Evanġelju: Mk 16:14a,15-20