Eċċellenza, President tar-Repubblika, Sinjura Vella; Onorevoli Prim Ministru u Sinjura Abela; għażiża Georgia Mae; Dr Bernard Grech u Sinjura Grech. Ma nixtieqx ninsa lill-Ispeaker Dr Anglu Farrugia. Ningħaqad magħhom ilkoll biex inwassal tislijiet ta’ Milied hieni u Sena Ġdida mimlija risq lill-poplu Malti u Għawdxi, lill-poplu għażiż tagħna. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil min poġġiena f’dan l-ambjent straordinarju sabiħ ta’ dwal, ta’ festa, ta’ ferħ. U l-poplu li nġabar hawnhekk f’dan it-temp sabiħ, li ppermetta li aħna ngawdu dan iż-żmien ta’ preparazzjoni għall-Milied.
Qed nieħu pjaċir ukoll, li qrib tagħna għandna x-xbihat għeżież tal-Madonna bil-Bambin, u ta’ San Ġużepp. Tolqotni ħafna x-xbieha li għandna qrib il-palk hawnhekk, kważi iżjed mil-live size, ma nkejjilx b’xibri, imma imponenti, kbira. Li jolqotni ħafna l-fatt li l-id ta’ San Ġużepp, hija id, li qiegħda tipprova tħares, tkennen, tipproteġi lill-omm u lil binha. Kemm hu messaġġ sabiħ li f’dan il-Milied, aħna hu nikkontemplaw lill-Familja ta’ Nazaret, nifhmu li għaddiet mid-diffikultajiet tagħha, mill-ħajja, li kif ngħidu bil-Malti, nżul u tlajja’; imma li permezz tal-għajnuna li nagħtu lil xulxin, il-ħlewwa li nużaw ma’ xulxin, il-ħarsien li nagħtu lil xulxin. Aħna nroddu l-messaġġ tal-Milied konkret f’kull familja, f’kull għaqda, fis-soċjetà tagħna.
Jiena nawgura wkoll f’dinja, fejn mhux kull poplu għandu l-grazzja li jgawdi l-Milied kif qed ingawduh aħna, fil-paċi, fis-serenità, fis-sliem. Nitolbu wkoll għall-pajjiżi li għaddejjin minn mumenti ta’ diffikultà, minħabba l-klima, jew minħabba l-gwerra, minħabba l-vjolenza. Nitolbu wkoll li fostna jkollna dak is-sentiment qawwi ta’ valur tal-ħajja mill-bidu nett sat-tmiem tagħha. Li naħsbu wkoll f’dawk li tilfu lill-għeżież tagħhom. Nixtieq insellem ukoll lill-ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq il-lant tax-xogħol, lill-familji tagħhom. Nixtieq ukoll inwassal it-tislima tiegħi, lill-morda tagħna, lil dawk li qegħdin fir-residenzi tal-anzjani tagħna; imma nsellem ukoll lil min qed jieħu ħsiebhom. Nixtieq nagħmel ukoll ħsieb partikolari lil dawk li qegħdin fil-faċilitajiet korrettivi tagħna, qegħdin jiskontaw piena, imma wkoll qegħdin jistennew ġest ta’ solidarjetà u anke ta’ viċinanza min għandna.
Jalla f’dan il-Milied lkoll ikollna ċans nerġgħu nersqu lejn il-Mulej, li huwa għajn ta’ faraġ, għajn ta’ ħniena, għajn tal-ħajja. Li aħna ngħożżu u nilqgħu l-ħajja, mhux biss mill-mument tat-tnissil, imma anke f’kull mument tagħha, billi ngħożżu u nħobbu tassew lil xulxin. Nitolbu li f’dan iċ-ċentinarju tal-Innu Malti, bl-istess talba li għallimna Dun Karm, li fost il-Maltin Mulej, ikun hemm dejjem il-għaqda u s-sliem. Mill-qalb: il-Milied hieni u s-Sena t-tajba mimlija risq u barka.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta