L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Agħtuna ftit żejt minn tagħkom…” (Mt 25:8). Din hi t-talba li ħamsa mix-xebbiet, li qrajna fuqhom fil-parabbola fl-Evanġelju skont San Mattew, għamlu lill-ħamsa l-oħra. Talbuhom ftit żejt ħalli l-imsiebaħ tagħhom jibqgħu mixgħula. Imma l-ħamsa l-oħra, flok għenuhom, qalulhom: morru għand tal-ħanut biex tixtru, għax jista’ jkun li lanqas jibqa’ biżżejjed għalina.

Nixtieq li naraw din il-parabbola b’rabta ma’ parabbola oħra li qal Ġesù fl-Evanġelju skont San Luqa, li hi l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Hemmhekk Ġesù jitkellem fuq raġel li kien sejjer Ġeriko minn Ġerusalemm u, hu u għaddej mit-triq, qabżu fuqu l-ħallelin, biċċruh bis-swat u ħallewh hemmhekk nofsu mejjet. Imbagħad għaddew tnejn min-nies, qassis u levita, rawh, għaddew min-naħa l-oħra, u baqgħu għaddejjin. Ġie bniedem Samaritan li rah u tħassru, mar biex jgħinu, ħareġ iż-żejt u dewwielu l-ġrieħi, rabathomlu, ħadu għand tal-lukanda u waqaf miegħu f’dak kollu li kellu bżonn.

Tajjeb li naraw id-differenza bejn waħda u l-oħra. Għandna lis-Samaritan li jgħin, joħroġ iż-żejt biex idewwi l-ġrieħi li kellu dak il-bniedem hemm nofsu mejjet. Jagħmel kull sagrifiċċju biex jgħinu. U għandna lil dawn il-ħames xebbiet li ma jgħinux lill-ħamsa l-oħra, u ma jagħtuhomx ftit żejt minn dak li għandhom. Il-mistoqsija hi din: din mhix kontradizzjoni? Ma tmurx kontra dak li Ġesù għallimna li għandna ngħinu lil min hu fil-bżonn? Ma kienx ikun aħjar li kieku għenuhom u tawhom ftit żejt?

Nifhmu r-risposta għal dawn il-mistoqsijiet meta niftakru x’messaġġ ried iwassal Ġesù b’din il-parabbola. Hawnhekk, fil-parabbola tal-għaxar xebbiet, Ġesù mhux qed jitkellem fuq l-għajnuna lil min hu fil-bżonn.  Fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, hemmhekk kien wieġeb il-mistoqsija: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq 10:29), u Ġesù qal x’għandek tagħmel, kif għandek iġġib ruħek ta’ proxxmu ma’ min hu fil-bżonn. Imma hawnhekk mhux fuq hekk qed jitkellem Ġesù. Hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq dak li jgħid fl-aħħar sentenza: “Ishru, mela, għax la tafu l-jum u lanqas is-siegħa” (Mt 25:13). Ġesù jridna ngħinu lil min hu fil-bżonn, dejjem. U fil-fatt fl-istess kapitlu tal-Evanġelju skont San Mattew, l-istess kapitlu fejn hawn din il-parabbola tal-għaxar xebbiet, hemm dak li jgħid Ġesù fuq kif se nkunu ġġudikati fuq l-opri tal-ħniena: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Imma hawn il-messaġġ hu differenti – qed jitkellem fuq ħaġa oħra.

Hawnhekk Ġesù qed jgħid xi ħaġa importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Qed jgħid li meta l-Mulej isejħilna, aħna rridu nwieġbu għall-għemil tagħna. Meta l-Mulej isejjaħli, ma nistax niddependi fuq ħaddieħor, fuq l-ieħor jew fuq l-oħra. Jien irrid inwieġeb, jien irrid ikolli ż-żejt fil-musbieħ, jiġifieri ż-żejt tal-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. Għalhekk, fil-ħajja tagħna ma nistgħux nirraġunaw “imma dak hekk qed jagħmel, l-oħra qed tagħmel hekk”, qisu ħaddieħor se jwieġeb għalina meta l-Mulej isejħilna. Il-messaġġ ta’ din il-parabbola hu: jien irrid inwieġeb għall-għemil tiegħi quddiem Alla, u ma nistax niddependi fuq ħaddieħor. Għalhekk Ġesù jgħid: ħamsa għaqlin u ħamsa boloh (Mt 25:2). Irrid inkun għaqli u nerfa’ r-responsabbiltà tal-għemil tiegħi, għax quddiem Alla jien irrid inwieġeb għall-għemil tiegħi, mhux ħaddieħor.

Dan hu l-messaġġ li qed jagħtina Ġesù llum, għalhekk it-talba tagħna hi din: li aħna f’ħajjitna jkollna dejjem iż-żejt tal-imħabba lejh u lejn l-oħrajn, ħalli nżommu l-musbieħ tagħna mixgħul u, kif jgħid Ġesù lilna llum, ngħixu dejjem ippreparati.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju