L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm karatteristika speċjali li ssibha dejjem fil-kliem ta’ Ġesù mad-dixxipli tiegħu: il-kliem tiegħu hu kliem ta’ inkoraġġiment, kliem li jagħmlilhom il-qalb, u jgħinhom ħalli qatt ma jaqtgħu qalbhom fost it-taħwid u l-biżgħat li ġieli jkollhom. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù hekk jibda l-kliem tiegħu lid-dixxipli: “Tħallux qalbkom titħawwad!” (Ġw 14:1)

Nixtieqkom tinnutaw li Ġesù jitkellem fuq il-qalb – jgħid “qalbkom”. Mhux qed jgħid biss fuq ħsibijiet li joħolqu konfużjoni fil-moħħ, imma iktar minn hekk, għax il-qalb tfisser il-ħajja tal-bniedem fil-profondità tagħha. Ġesù qed jgħid lid-dixxipli biex ma jħallux iċ-ċirkustanzi ta’ taħwid u konfużjoni jegħlbuhom. Nafu li kellu ħafna għalfejn jgħid dan, għax hawn hu l-aħħar diskors tiegħu qabel jgħaddi mill-passjoni u l-mewt tiegħu, li kellhom tant joħolqu taħwid lid-dixxipli, u jispiċċaw jaħarbu kollha ħlief wieħed. Għalhekk jgħidilhom hawn u jerġa’ jirrepeti l-istess kliem iktar tard: “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’” (Ġw 14:27).

Qalb it-taħwid u l-biża’

Dan hu kliem indirizzat ukoll lilna llum. Kemm drabi fil-ħajja nsibu min iħawwadna, jew ċirkustanzi li joħolqu konfużjoni, u jbeżżgħuna! Għalhekk ikun tajjeb li niftakru fil-kliem ta’ Ġesù li jagħmlilna l-qalb u jgħinna qatt ma nħallu ċ-ċirkustanzi tal-ħajja jtaqqlulna qalbna tant li nitilfu l-paċi tiegħu.

Dan il-kliem ta’ kuraġġ tant jaqbel ma’ dak li intom, bħala Scouts Association of Malta u Malta Girl Guides Asssociation, qed tgħixu fl-esperjenza tagħkom.

Lid-dixxipli tiegħu, Ġesù jurihom dak li għandhom jagħmlu biex ma jħallux qalbhom titħawwad. Jgħidilhom: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Lejh għandhom iħarsu, warajh għandhom jimxu. Bil-qawmien tiegħu, bir-rebħa tiegħu fuq il-mewt, Ġesù jurina kemm hu veru li huwa t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

Nixtieqkom tinnutaw kif f’dawn it-tliet affarijiet li jsemmi, Ġesù qed jurina kif hu jiltaqa’ magħna fi bżonnijiet l-iktar profondi tal-ħajja. 

Ix-xewqa li nsibu t-triq it-tajba

Aħna nixtiequ li fil-mixja ta’ ħajjitna nsibu verament it-triq it-tajba. Nixtiquha ħafna għalina stess, il-ġenituri jixtiquha għal uliedhom, il-mexxejja tal-iscouts u l-girl guides jixtiquha għal dawk kollha li huma membri. Ġesù qed jurina li hu t-triq li għandna bżonn fil-ħajja tagħna. Jekk nimxu warajh, nafu li mexjin fit-triq it-tajba. 

Kultant jista’ jiġri li naqbdu triq żbaljata; u jekk nagħmlu hekk, iktar ma niġru fil-pass mgħaġġel tal-ħajja, iktar nitbiegħdu mit-triq it-tajba, jew inkomplu ngħaqqdu fil-vojt. Ġesù huwa t-triq li twassalna għand il-Missier. Miegħu nafu li mexjin sew. Mingħajru nistgħu nitqarrqu qisna xejn.

Ix-xewqa li nagħrfu l-verità

Xewqa oħra li għandna f’ħajjitna hi li nkunu nafu l-verità: fuqna nfusna, fuq is-soċjetà, fuq dak li jiġri. Nixtiequ nħaddnu l-verità f’ħajjitna. Ġesu jiltaqa’ magħna f’din l-aspirazzjoni ta’ ħajjitna. Huwa hu l-verità. Il-kliem tiegħu huwa dejjem veru, u dak li jindika l-verità għal ħajjitna. 

Ġieli nisimgħu ilħna li jbegħduna mill-verità ta’ Ġesù. Issib, per eżempju, min jgħid li iktar ma jkollok flus, jew poter, jew iktar ma tgawdi, iktar tirnexxi fil-ħajja. Ġesù jurina li dan hu żbaljat. Mhux veru li l-iktar importanti fil-ħajja huma l-flus, il-poter, il-pjaċir. Ħajja mibnija fuq dawn hi ħajja li sserraħ fuq gidba. Ġesù jurina li jekk dak li hu mezz isir għan, ħajjitna ssir falza. 

Dan li jurina Ġesù jaqbel ħafna mal-valuri li intom tħaddnu u tistqarru – bħal-lealtà, il-ħbiberija, l-għajnuna lil min hu fil-bżonn, il-mogħdrija u l-ħniena, l-indafa fil-ħsieb, fil-kliem u fl-għemil, l-użu tajjeb tal-ħin, il-ħarsien tal-ħolqien – valuri sbieħ li intom tgħixuhom bħala parti mill-impenn tagħkom bħala girl guides u scouts. Dawn il-valuri huma espressjoni tal-verità li fil-ħajja tagħna tibnina, ma tħalliniex nimxu mal-kurrent u tgħinna biex naffrontaw b’determinazzjoni l-isfidi tal-ħajja.

Ix-xewqa li ngħixu l-ħajja fil-milja tagħha

Xewqa oħra li għandna f’ħajjitna hi li ngħixu, mhux biss neżistu. Hi x-xewqa li jkollna ħajja li ngħixuha b’mod sabiħ. Ġesù jurina li huwa hu l-ħajja. Permezz tiegħu jista’ jkollna l-isbaħ u l-aħjar fil-ħajja, u tassew ingawduha. Bis-saħħa tiegħu, nitgħallmu ngħożżu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn u nagħmlu dan mill-bidu nett tagħha, mit-tnissil, sat-tmiem naturali tagħha, u għalhekk f’kull waqt tagħha. 

L-esperjenza tagħkom bħala girl guides u scouts tgħinkom biex tagħrfu s-sabiħ tal-ħajja, u tgħixuha bħala avventura sabiħa, bil-ferħ u b’ħafna serenità.

Ma’ Ġesù nafu li f’din id-dinja nistgħu ngħixu ħajjitna fil-milja tagħha, u din imbagħad tkun twassal għall-ħajja ta’ dejjem, il-ħajja li ma tispiċċax.

Il-fidi ddawwal lil ħajjitna

Fl-Evanġelju llum Ġesù jagħmel stedina lid-dixxipli u lilna lkoll: “Emmnu f’Alla u emmnu fija wkoll” (Ġw 14:1). Hija din il-fidi li tista’ tmexxina ’l quddiem u speċjalment tagħmlilna l-qalb fil-mumenti ta’ taħwid u konfużjoni. 

Nistedinkom biex ħarsitkom tkun dejjem fuq Ġesù – it-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Illum flimkien nirringrazzjaw lill-Mulej u nitolbu ħafna għal kull wieħed u waħda minnkom, biex tkomplu b’dan l-impenn tagħkom, bi gratitudni wkoll lejn il-mexxejja tagħkom. Nitolbu biex il-Mulej ibierek lilkom ilkoll, girl guides u scouts, u lill-familji tagħkom.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta

More Photos