L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Meta Pietru u sħabu kienu fuq id-dgħajsa li kienet qed titħabat mal-mewġ, bir-riħ kontra tagħhom, l-aħħar ħaġa li kienu qed jistennew kienet li jaraw xi ħadd miexi fuq il-baħar. Għalhekk kif raw xi ħadd miexi, qalu li hu fantażma. Kien Ġesù, m’għarfux li kien Ġesù. Imma meta Ġesù għamlilhom il-qalb, Pietru, li dejjem hu l-ewwel wieħed li jitkellem u jieħu azzjoni, ried li jmur ħdejh, jimxi fuq il-baħar u jasal sa ħdejh.

Għaliex, kif beda miexi, Pietru ħabat se jegħreq? Ma kienx Ġesù stess li qallu “ejja”? Innutaw ir-rakkont. Meta Pietru ħares lejn Ġesù, u qiegħed il-fiduċja fih, beda miexi. Il-mument li neħħa l-ħarsa minn fuq Ġesù u beda jħares madwaru, u jħoss ir-riħ qawwi, u jara l-mewġ u jibża’, hemmhekk beda nieżel. Il-mument li reġa’ ħares lejn Ġesù u talbu biex isalvah, hemm sab l-id ta’ Ġesù li terfgħu mill-baħar, ma tħallihx jegħreq.

L-ewwel komunitajiet Insara fehmu, bi ġrajja bħal din, kemm hu importanti li huma jqiegħdu l-fiduċja tagħhom f’Ġesù li hu ħaj, li hu s-salvatur, li hu l-għajnuna li għandhom bżonn fil-ħajja tagħhom. U aħna wkoll, dan hu l-messaġġ importanti għalina f’din il-ġrajja: li aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna f’Ġesù, li hu ħaj, li hu s-salvatur tagħna.

Innutaw kif l-esperjenza tagħna tixbah lil dik ta’ Pietru. Fil-ħajja ġieli jiġrilna hekk: il-mument li aħna nitfgħu ħarsitna fuq Ġesù, u nqiegħdu l-fiduċja fih, ikollna dik l-għajnuna kontinwa minnu li jgħidilna: “Agħmlu l-qalb…tibżgħu xejn”. Kif ma nħarsux aktar lejh u nibdew naraw madwarna l-problemi u d-diffikultajiet u dak kollu li jinqala’, u nħossu ħafna biża’ minħabba f’hekk, inħossuna tassew se negħrqu. Imma Ġesù dejjem qiegħed f’dik l-id biex b’idu jerfagħna, u ma jħalliniex negħrqu fil-ħajja. Għalhekk, il-ħarsa tagħna għandha tkun fuqu; konxji minn dak kollu li ngħaddu minnu, imma l-ħarsa tagħna tkun lejn il-wiċċ tiegħu għax hu dak li jagħtina l-kuraġġ, u jgħidilna “Agħmlu l-qalb … tibżgħu xejn” u jagħtina l-id tiegħu li terfagħna.

Kemm hi importanti din għall-ħajja tagħna personali! Imma kemm hi importanti wkoll li aħna nwasslu l-Aħbar it-Tajba lill-oħrajn. Għax kultant x’jiġrilna? Kultant flok inwasslu l-Aħbar it-Tajba li hu Ġesù li jsalvana, li jagħmlilna l-qalb, li jerfagħna, inwasslu ħafna messaġġi ta’ maltemp, affarijiet ħżiena … li huma veri, imma jekk nieqfu hemm, noħolqu biss il-biża’ flok il-fiduċja f’Ġesù li tgħinna ma ninħakmux mill-biża’.

Din nixtieq li nagħmel bħala talba għalina lkoll illum: nitolbuh lill-Mulej jagħtina l-grazzja li aħna dejjem inqiegħdu l-fiduċja tagħna fih; li nħossu dik l-id tiegħu mal-id tagħna li terfagħna fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna; u li aħna wkoll inwasslu lill-oħrajn li hu f’Ġesù li aħna nsibu l-għajnuna li neħtieġu, huwa hu li jagħmlilna l-qalb, huwa hu li jsalvana, huwa hu li bl-id tiegħu jerfagħna u ma jħalliniex negħrqu fil-ħajja.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju