Ritratti: Newsbook.com.mt

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi”. Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum skont San Mattew, meta jippreżentalna x-xena tal-ġudizzju li jagħmel Alla, ġudizzju li hu mibni fuq l-għajnuna lil min hu fil-bżonn. U dan hu l-kliem li jiġini f’moħħi mill-ewwel meta niftakar fiz-ziju Karmenu. Jien ċert li hemm ħafna minn dawn iż-żgħar li jsemmi Ġesù li jħossu l-istess.

Illum qed insellmulu flimkien f’din iċ-ċelebrazzjoni fejn nistqarru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu li hu ħaj u li jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk li jimxu warajh. Meta kont ħdejn iz-ziju l-isptar flimkien mal-familja ftit qabel miet, stajt nisimgħu kontinwament jgħid xi talba – talba ta’ fiduċja f’Ġesù li jsalva. Tul dawn l-aħħar sentejn u nofs lili kien dejjem isemmili l-quddiesa tat-televixin li kien isegwi b’attenzjoni kbira u b’apprezzament. Kien jieħu pjaċir ħafna meta jirċievi lil Ġesù Ewkaristija fid-dar tal-anzjani fejn kien residenti f’dawn l-aħħar snin.

Aħna għandna din it-tama li issa l-Mulej ħaddnu miegħu u li issa z-ziju jista’ jara b’għajnejh is-sbuħija ta’ dak li hawn għandna biss ħjiel tagħha. Għandna din it-tama għax nemmnu f’Ġesù li rebaħ il-mewt, li l-aħħar nifsijiet li ħa fuq is-salib ma kinux it-tmiem ta’ kollox imma kienu l-passaġġ għar-rebħa tiegħu fuq il-mewt, li hi r-rebħa ta’ kull min jimxi warajh. Liz-ziju Karmenu llum qed nafdawh lill-Mulej biex, fil-ħniena tiegħu, iħaddnu miegħu u miegħu jgħix għal dejjem.

Din il-quddiesa hi wkoll ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament lil Alla għal dak kollu li għamel maz-ziju Karmenu f’ħajtu u l-ġid li għamel permezz tiegħu.

Ngħidu grazzi għall-imħabba kbira tiegħu lejn il-familja, lejn ħutu u lejna n-neputijiet u l-proneputijiet, kuġini – familja kollha. Għalih aħna – ngħid aħna għax jien neputi tiegħu u kien parrinu tiegħi wkoll – konna għeżież, u kien dejjem jinkoraġġina u jinteressa ruħu fina personalment u individwalment, sa ftit mumenti qabel miet. Kellu sens kbir ta’ umoriżmu, jaf jinbex ukoll. Miegħu tgħallimna bl-esperjenza xi tfisser l-imħabba u l-għożża fil-familja anke meta kultant l-ideat ikunu differenti. Miegħu tgħallimna ngħixu l-misteri tal-ħajja, dejjem b’dik l-imħabba li tgħaqqadna.

Ngħidu grazzi lil Alla għall-imħabba ta’ Karmenu lejn dawk fil-bżonn, li kienet espressjoni ħajja tal-fidi tiegħu. Kien bniedem ta’ ġenerożità kbira b’qalb tad-deheb, li jgħix dak li smajna fl-Evanġelju tal-lum. L-imħabba lejn “il-fqir” ma kinitx għalih slogan li tużaha għal xi skop imma kienet realtà li jgħixha. Ma baqax passiv quddiem il-ħtiġijiet tal-oħrajn. Kien bniedem li lest il-ħin kollu biex jagħti minn tiegħu lil ħaddieħor. Kien hemm klijenti li flok ħallsuh, tahom hu l-għajnuna biex jgħajxu lill-familja. Kemm nies għen fil-kwiet u fis-skiet minn butu, bla daqq ta’ trombi, fejn jaf biss Alla u jara biss Alla!

Miegħu tgħallimna bl-esperjenza xi tfisser l-imħabba u l-għożża fil-familja anke meta kultant l-ideat ikunu differenti. Miegħu tgħallimna ngħixu l-misteri tal-ħajja, dejjem b’dik l-imħabba li tgħaqqadna.

Imma ma kinitx biss il-karità kbira tiegħu. Il-karità kienet imsieħba ma’ ħidma ma taqta’ qatt għall-ġustizzja soċjali, fejn uża l-intelliġenza kbira tiegħu b’risq il-ħaddiema u d-drittijiet tagħhom – ħidma li bdiet meta kien attiv ħafna fiż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara (ŻĦN), u kompliet ħajtu kollha; u ħidma favur dawk l-aktar batuti u vulnerabbli. Hu kien jemmen bis-sħiħ li s-saħħa tas-soċjetà titqies mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

Ngħidu grazzi lil Alla llum għall-kontribut li ta f’diversi oqsma, fil-professjoni tiegħu bħala avukat, lettur l-Università, fit-trejdunjoniżmu u iktar tard, fil-kamp diffiċli tal-politika fejn l-intenzjoni tiegħu kienet li jkun ta’ servizz għan-nazzjon, u qatt ma fittex li japprofitta ruħu mill-pożizzjoni tiegħu.

Nirringrazzjaw lil Alla għax-xhieda sabiħa tal-għajxien tal-valuri tal-onestà, tal-ġenwinità, tal-integrità. Ma ħalla lil ħadd jixtrih jew idaħħlu f’xibka ta’ korruzzjoni. Kien lest li jibqa’ leali lejn il-konvinzjonijiet u l-ideali tiegħu. Ħadem b’determinazzjoni għal dak li emmen li hu s-sewwa. Kien lest imur kontra l-kurrent fejn jidhirlu li jrid jibqa’ leali, u ma kienx qasba tixxejjer mar-riħ, ibiddel dak li jemmen skont x’jaħsbu n-nies – illum mod u ftit ġranet wara mod ieħor. Kien eżempju ta’ x’jiġifieri tkun bniedem ta’ konvinzjoni, u mhux ta’ konvenjenza.

Nirringrazzjaw lil Alla għax-xhieda tiegħu ta’ umiltà; ma fittixx l-unuri, il-prestiġju, il-preġji tad-dinja, dak li jagħmel ħoss u dak li jolqot l-għajn. Id-dikjarazzjoni li ħalla bil-miktub li ma jridx funeral statali u li tant insista fuqha hi tipika tiegħu u tesprimi proprju dak li kien.

Nirringrazzjaw lil Alla wkoll tax-xhieda li ta waqt it-tbatija, li ġarrabha b’ħafna paċenzja u kuraġġ. Għadda minn ħafna mard. Bata ħafna, speċjalment fl-aħħar snin, u bata wkoll għax baqa’ luċidu sal-aħħar. Tul il-mard tiegħu sab ħafna għajnuna miz-ziju Antoine u persuni oħra ddedikati fis-servizzi ta’ kura u ta’ saħħa, u mill-kuġina Mariella – in-neputija tiegħu – li ġurnata wara l-oħra ħadet ħsiebu b’tant għożża u li ħadmet bis-sħiħ biex pazjenti bħalu jkunu ttrattati dejjem b’dinjità.

Illum Karmenu lilna jagħtina messaġġ importanti. Aħna lkoll irridu naslu għal dan il-mument, dan il-passaġġ li għadda minnu hu. Karmenu għex 89 sena, u għexhom snin mimlija, imma mhuwiex in-numru tas-snin li jgħodd imma l-mod kif nużaw dak li Alla jagħtina biex nistgħu nagħmlu l-ġid. Lilna llum qed ifakkarna li aktar ma ngħixu magħquda mal-Mulej ir-ragħaj it-tajjeb tagħna, iktar ma nfittxu li nkunu ta’ sedqa u wens għal min hu batut u vulnerabbli, isbaħ tkun il-laqgħa tagħna mal-Mulej meta jsejħilna għall-ħajja ta’ dejjem.

Għażiż ziju Karmenu, issa strieħ fis-sliem. It-talba tagħna hi li l-Mulej issa jilqgħek fi ħdanu u jgħidlek: “Karm, kulma int għamilt mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltu miegħi”.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju


Agħfas hawn biex taqra r-rapport ta’ Newsbook.