L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Bil-Malti ngħidu “fuq tlieta toqgħod il-borma”, u f’din is-silta qasira llum, mill-Evanġelju skont San Luqa, Ġesù jkellimna fuq tliet punti importanti għall-ħajja tagħna.

L-ewwel nett, fuq l-iskandli. Jgħid kliem iebes ħafna: Ħażin għalih min jagħti skandlu. Aħna nafu li Ġesù fl-Evanġelju l-iktar kliem iebes li qal kien fuq l-ipokresija u fuq l-iskandlu. Hawn jgħid: “Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma’għonqu ġebla ta’ tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu” (Lq 17:2). Qed jgħid Ġesù bi kliem iebes: aħjar jisparixxi, għax jekk jorbtulu ġebla ma’ tħin ma’ għonqu u jitfgħuh fil-baħar, ma tarahx iżjed. Aħjar jisparixxi. X’jiġifieri meta jgħid “skandlu”? Hi kelma ġejja minn kelma bil-Grieg li tfisser “ostaklu”. Inti miexi u minħabba ostaklu, taqa’, tispiċċa mal-art. Dak hu s-sens ta’ “skandlu”. Hu tfixkil. U għalhekk Ġesù jridna noqogħdu attenti li aħna ma nkunux ta’ tfixkil għall-oħrajn. Speċjalment isemmi “wieħed minn dawk iċ-ċkejknin” (Lq 17:2), għax iż-żgħar, meta jħarsu lejn il-kbar, jixorbu dak li jagħmlu, dak li jgħidu l-kbar. Għalhekk iktar importanti ma’ min hu żgħir li aħna noqogħdu attenti li ma nkunux ta’ tfixkil għal ħajjithom, għax b’dak li ngħidu u b’dak li nagħmlu nistgħu nagħmlu ħafna ġid u nistgħu nagħmlu ħafna ħsara.

Imbagħad Ġesù jgħid ukoll xi ħaġa li tiswa ħafna fir-relazzjonijiet ma’ xulxin. L-ewwel jgħid li għandna nikkoreġu, bil-ħlewwa naturalment, lil min jagħmel dak li hu ħażin; imbagħad li għandna naħfru. Issa t-tnejn mhumiex faċli. Li int tagħmel korrezzjoni diġà hi diffiċli, u hemm mod u mod kif aħna nkellmu lil min ikun żbalja. Imma Ġesù ma jridniex nibqgħu indifferenti quddiem dak li hu ħażin, qisu kollox jgħaddi. Ma jridx hekk.

Iridna wkoll naħfru, li hi iktar diffiċli, għax hawn jgħid li mhux taħfer darba imma “seba’ darbiet” (Lq 17:4) – seba’ tfisser dejjem. Nafu kemm hi diffiċli li naħfru speċjalment meta nkunu weġġajna b’xi azzjoni jew b’xi kelma ta’ xi ħadd, u din qisha tibqa’ ġewwa. Għalhekk Ġesù jridna nagħmlu l-isforz, bl-għajnuna tiegħu, li naħfru. Imma rridu niftakru xi ħaġa importanti: il-maħfra hija għażla, il-maħfra marbuta mar-rieda. Mhux għax tħoss xi ħaġa jiġifieri ma ħfirtx. Inti tista’ tħoss minn ġewwa weġgħa, tħoss sentimenti koroh, imma inti tgħid: minkejja dak li qed inħoss, jien irrid naħfer. Ma rridx nagħmel ħsara lil ħaddieħor, irrid naħfer, irrid anzi nitlob għal min għamilli l-ħsara. Dik hija r-rieda li kultant tmur kontra dak li nħossu fina. Il-maħfra hija tant importanti għalina fil-ħajja tagħna bħala Nsara.

Ġesù jsemmi ħaġa oħra fl-Evanġelju, b’risposta għal dik it-talba hekk sabiħa tad-dixxipli tiegħu: “kattar fina l-fidi” (Lq 17:5). U Ġesù jgħidilhom li anke fidi ċkejkna bħal żerriegħa tal-mustarda kapaċi tagħmel ħafna ġid u ġġib bidla. Il-fidi tfisser li aħna nintelqu f’idejn Alla, inserrħu fuq il-kelma tiegħu; nafdaw fih li huwa jħobbna, li jixtiqilna l-ġid, li jaf aħjar minna dak li hu tal-akbar ġid għalina. Il-fidi hija don tiegħu li Alla jqiegħed f’qalbna, imma li aħna rridu naċċettawha u nħalluha tagħmel l-għeruq fina, ħalli nistgħu ngħixu tassew f’din l-imħabba ta’ Alla: li aħna nserrħu fuqu u fuq il-kelma tiegħu, b’fiduċja sħiħa.

Nafu li dan li qed jgħid Ġesù llum mhuwiex faċli imma huwa tal-akbar ġid għalina. Għalhekk illum tajjeb li nitolbuh bit-talba tad-dixxipli “kattar fina l-fidi”; nitolbuh biex fir-relazzjoni ma’ xulxin qatt ma nkunu ta’ tfixkil, ta’ skandlu għall-oħrajn; imbagħad li nagħrfu wkoll naħfru minn qalbna kif għallimna u kif uriena hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju