L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fl-introduzzjoni tal-quddiesa smajna kemm hu diffiċli li ngħixu dan id-diskors, u hekk hu. Jiena u nitlob fuq din is-silta, baqa’ jidwi f’qalbi u f’moħħi l-kliem ta’ Dun Ġorġ Preca: “Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd”. Jekk nimxu fuq dan il-kliem konkret ta’ dan il-qaddis Malti, naħseb nersqu ħafna lejn dak li jrid Ġesù: ġid lil kulħadd, hu min hu. Ġesù qed jgħallima biex ma nimxux bl-uċuħ. “Inti magħna jew mal-oħrajn? Din il-kelma hi tremdena. Toħloq il-firda u allura diġà għandna nimxu bl-uċuħ, timxi bil-wiċċ! Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd.

Ġesù qed jipprova jgħallimna u jgħidilna biex inħobbu lill-għedewwa. Tagħraq l-għaraq tad-demm bħalma għamel hu: li tħobb lill-għadu tiegħek. Jekk nimxu fuq dan il-parir konkret ta’ Dun Ġorġ, naslu ħafna iżjed. Ġesù qed jagħtina raġuni għax iridna nħobbu bħalma jħobb il-Missier, bħalma jħobb hu wkoll, bħalma jħobb lil kulħadd Alla li huwa l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Wara kollox, kif jgħallimna San Pawl Missierna, aħna mhux għedewwa tiegħu konna?! Qabel l-Iben t’Alla sar bniedem, għammar fostna u qalilna: “Se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom” (Ġw 20:17). Il-kelma tal-Irxoxt, wara li aħna sallabnieh u qtilnieh, kienet: “Il-paċi magħkom” (Ġw 20:19). Minn fuq is-salib, Ġesù lill-Missier jgħidlu: “Aħfrilhom, ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Dawn huma kliem li mhumiex biss kliem. Ġesù jgħidhom waqt li jgħixhom. Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd. U jekk hemm xi ħadd li qed jinkwetak u li meta taħseb fuqu demmek ibaqbaq, itlob għalih, itlob. Għidlu: ‘Mulej, kemm jien dgħajjef’.

Darba minnhom kien hemm xi ħadd li qal kalunja, gidba, fuq San Ġorġ Preca. U dan inkwieta u umilja ruħu b’dak il-kliem iebes u mhux vera li qal. Kalunja meta tgħid gidba fuqi jew fuq ħaddieħor. Il-malafama hi meta wkoll ixxandarni ma’ xi ħadd li ma jafx id-difetti tiegħi. It-tnejn nuqqas ta’ karità, it-tnejn jiksru l-kmandamenti ta’ Alla, kemm il-kalunja u kemm il-malafama.

Imma lil Dun Ġorġ xi ħadd laqtu b’kalunja. U jgħid: “Xħin kont qed inqaddes u nerfa’ l-ostja, lil Ġesù għidtlu: ‘Sinjur, għal wiċċek naħfirlu, għal wiċċek’”.  Mela, ġid lil kulħadd, deni lil ħadd.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Kor 8:1-9
Salm: 145 (146), 1b-2. 5-6.7.8-9a
Evanġelju: Mt 5:43-48