L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Tradizzjonalment dan l-Evanġelju jiġi interpretat bħala l-figura ta’ żewġ nisa: Marta li medhija, kif jgħid il-Evanġelju stess, bil-ħafna ħwejjeġ tax-xogħol tad-dar, tal-faċendi; u Marija li tippreferi toqgħod f’riġlejn Ġesù tisimgħu u titgħallem minnu. U b’xi mod fit-tradizzjoni tad-devozzjoni tal-Knisja, Marta tirrapreżenta x-xogħol u l-appostolat attiv, mentri Marija hija dik li tirrapreżenta l-ħajja tat-talb, il-ħajja moħbija, il-ħajja ta’ kontemplazzjoni.

Jiena naħseb li kemm Marta u kemm Marija, li t-tnejn laqgħu lil Ġesù, kellhom jitgħallmu li dak li ma jitteħdilhomx huwa propju l-imħabba tal-Mulej. Marta esprimiet l-imħabba tagħha billi laqgħatu. Nimmaġina li ppreparatlu wkoll x’jiekol. Marija, li ħadet sehem ukoll fid-disponibbiltà ta’ oħtha Marta, tieħu ħsieb dan il-mistieden partikolari u speċjali u tisma’ l-kelma tiegħu. Ġesù jgħid li Marija għażlet l-aħjar sehem li ma jitteħdilhiex (Lq 10:42).

Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann aħna niltaqgħu wkoll ma’ ħuhom Lazzru li l-Mulej iqajjem mill-imwiet. Hemmhekk naraw il-fidi kemm ta’ Marta kif ukoll ta’ Marija.

Il-Mulej ikellimna bis-sbuħija tal-ħolqien imqar b’xi buffura riħ qawwija, bix-xita, bil-kwiekeb tas-sema, bil-fjuri tal-widien, b’tarbija, anke bil-ħolqien.

Din il-laqgħa bdiet ħbiberija sabiħa li kienet ta’ faraġ kbir għal Ġesù. Ġesù żgur li japprezza x-xogħol ta’ Marta imma ried jgħallimha wkoll kemm hu prezzjuż li mhux biss tilqgħu imma wkoll tisimgħu. U s-smigħ tal-kelma ta’ Ġesù u r-riflessjoni tagħna fuqha, huma teżori li ma jittiħdux.

Ejjew nitolbu l-grazzja tal-ekwilibriju f’ħajjitna għax il-faċendi trid tagħmilhom, iridu jsiru. Xi ħadd irid jipprepara l-ikel mhux biss niekluh, tiekol dak li jkun ipprepara ħaddieħor. Ix-xogħol ta’ Marta huwa essenzjali. Il-Mulej stess kien jibqa’ bil-ġuħ kieku Marta ma ħadmitx. Ma kienx ikun hemm dar nadifa fejn tilqgħu kif kien jistħoqqlu. Imma hemm bżonn ikollna ekwilibriju bejn ir-rwol ta’ Marta, li hu tant importanti, u dak ta’ Marija.

Insibu l-ħin li nieqfu ftit imqar ftit ħin matul il-ġurnata u nirriflettu ftit. Il-Mulej ikellimna bis-sbuħija tal-ħolqien imqar b’xi buffura riħ qawwija, bix-xita, bil-kwiekeb tas-sema, bil-fjuri tal-widien, b’tarbija, anke bil-ħolqien. Il-Mulej ikellimna b’tant modi, ikellimna wkoll bil-kelma tiegħu. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nieqfu u l-Mulej nilqgħuh mhux biss fl-attività li nagħmlu billi ngħinu lil xulxn, imma anke billi nisimgħuh u nagħtu ftit ħin għalina nfusna.

San Bruno dil-ħaġa jgħallimilna. L-għażla tiegħu kienet li jinfatam mill-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, jgħix ħajja ta’ talb, ħajja ta’ komunità mhux intensa ħafna; kienu jiltaqgħu biex jieklu xi ħaġa flimkien u biex jitolbu imma mbagħad il-ġurnata kienet tkun fir-raba’ u fil-kontemplazzjoni.

U anke Bartolo Longo, meta kkonverta, irrealizza t-talba tar-rużarju kemm hi qawwija. Permezz tar-rużarju familji sħaħ sabu dak il-mument li jitolbu flimkien wara forsi ġurnata xogħol ir-raba’ jew inkella fuq lant ta’ xogħol ieħor. Il-familja kienet tiltaqa’ flimkien u titlob it-talba tar-rużarju. Din hija tradizzjoni qaddisa, naf li hemm ħafna familji għadhom ikompluha u ninkonkoraġġikom bl-interċessjoni ta’ dawn iż-żewġ qaddisin imbegħdin flimkien minn xulxin fiż-żmien imma li jgħallmuna kemm hu importanti li nagħtu l-ħin għat-talb.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Gal 1, 13-24
Salm: 138 (139), 1-3.13-14ab.14ċ-15
Evanġelju: Lq 10, 38-42