Il-Knisja f’Malta qed tippubblika direttivi rigward iċ-ċelebrazzjoni tal-festi għal din is-sena, skont l-istqarrija maħruġa fl-14 ta’ Mejju 2021 fejn intqal li l‑festi parrokkjali u festi oħra reliġjużi li jsiru ġewwa l‑bini tal‑Knisja jsiru fil‑ġranet li s-soltu jiġu ċċelebrati, b’rispett sħiħ lejn il‑miżuri għall‑ħarsien tas‑saħħa indikati mill‑awtoritajiet tas‑saħħa.

Dawn id-direttivi jistipulaw li l-quddies u ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra relatati mal-festa jkunu konformi mad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi u/jew ċiviċi li jkunu fis-seħħ f’dak iż-żmien, li l-istatwa għandha tinħareġ u tiddaħħal lura fin-niċċa b’mod privat, u li l-armar jista’ jsir bħalma s-soltu jsir.

Id-direttivi li jidħlu fis-seħħ illum huma msejsa fuq żewġ principji: dik li l-festa hija okkażjoni li tfakkar u ssejjaħ lill-Insara jimxu fuq l-eżempju tal-qaddisin, u li hija okkażjoni fejn tintwera solidarjetà ma’ dawk l-aktar fil-bżonn fil-komunità parrokkjali, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet li fihom il-familji għaddejjin minn diversi sfidi.

Dwar iċ‑ċelebrazzjonijiet ta’ barra l‑bini tal‑knisja li normalment jiġu organizzati mill‑Knisja, kif diġà ntqal fl-istqarrija tal-14 ta’ Mejju, dawn isiru biss jekk, fejn u meta l‑awtoritajiet tas‑saħħa jawtorizzawhom bħala attivitajiet permessi.