L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” (Mt 14:31) Dan huwa li Ġesù jgħid lil Pietru f’din il-ġrajja verament speċjali għad-dixxipli, meta huma kienu fid-dgħajsa u kien hemm riħ qawwi, u qed jitħabtu kontra l-mewġ. Ġesù kien ħallihom waħedhom biex hu jmur jitlob, u għamel ħin twil jitlob, u d-dixxipli kienu fuq id-dgħajsa, u f’nofs ta’ baħar id-dgħajsa titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom.

Meta Ġesù beda miexi fuq il-baħar, u rawh, twerwru, għax ma għarfuhx għall-bidu. Ġesù qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn” (Mt 14:27). Pietru ried imur ħdejh u qallu: “Jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma” (Mt 14:28). U Ġesù qallu: “ejja”. U x’ġaralu Pietru? Pietru, kif niżel mid-dgħajsa, l-Evanġelju jgħid, “qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù” (Mt 14:29)). Mela, fil-fatt, bil-qawwa ta’ Ġesù, mhux bil-qawwa tiegħu, kien bħal Ġesù, miexi fuq il-baħar.

Imma l-mument li neħħa ħarstu minn fuq Ġesù, u beda jħares madwaru, u jara l-mewġ u r-riħ qawwi, qabdu l-biża’, u beda jegħreq. Innutaw il-mument li flok ħares lejn Ġesù li kien qed jagħtih il-qawwa, ħares lejn dak li kien qed jiġri madwaru, u ħakmu l-biża’. Imbagħad hemmhekk għamel dik it-talba lil Ġesù: “Salvani, Mulej!” (Mt 14:30). Ġesù medd idu, qabdu, u qallu: “bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” (Mt 14:31) Din hi interessanti li jgħid Ġesù lil Pietru, speċjalment meta nqabbluha ma’ dak li hemm fl-istess Evanġelju skont San Mattew, ftit kapitli qabel, ta’ dik il-mara li kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxiegħa tad-demm, u qalet: “Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq” (Mt 9:21). U dik inhar, lil dik il-mara Ġesù qalilha: “Agħmel il-qalb, binti. Il-fidi tiegħek fejqitek” (Mt 9:22). Waħda “il-fidi tiegħek fejqitek”, u lil Pietru: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?!

Il-messaġġ li ried jagħti Ġesù lid-dixxipli hu proprju biex jgħinhom jissaħħu fil-fidi. Biex ikollhom fiduċja sħiħa fih, li hu jmexxihom fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja. Fil-fatt l-Evanġelju stess jispiċċa llum li kien hemm diversi morda li kienu “jitolbuh iħallihom imissilu mqar tarf il-libsa” (Mt 14:36). Araw kif l-istess bħal dik il-mara li Ġesù kien qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek”.

X’inhu l-messaġġ għalina? Hu messaġġ importanti għalina individwali, u anke bħala Knisja. Għalina individwali għax aħna ngħaddu minn diversi tempesti fil-ħajja; kultant qisna proprju qed nitħabtu kontra r-riħ. Issa nnutaw ħaġa: Ġesù, meta beda miexi fuq il-baħar, kien għad hemm ir-riħ u l-mewġ. Il-mument li beda miexi, ma waqafx kollox. Il-messaġġ li jrid jagħtina Ġesù hu: lilna jgħinna qalb it-tempesti tal-ħajja. Ma jfissirx li dawn se jispiċċaw; li għax ikollna lilu, ma jkollniex taħbit, diffikultajiet, mumenti ibsin, dak li nsejħulu “mewġ” fil-ħajja, riħ kontra. Ma jfissirx hekk! Ġesù, li jrid jgħid meta miexi fuq il-baħar, hu li hu jagħtina l-qawwa biex, flok jaħkimna l-biża’ u negħrqu fid-diffikultajiet tal-ħajja, jgħinna hu biex nimxu. F’mumenti diffiċli, imidd hu idu – bħalma għamel hawnhekk ma’ Pietru – biex nistgħu ma negħrqux. Ara kemm hu sabiħ meta niftakru f’din il-preżenza ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna, x’differenza tagħmel! Ma wegħidniex li ma jkollniex diffikultajiet, tbatijiet, tempesti, imma wegħidna l-preżenza tiegħu lil lina tgħinna biex dawn ma jaħkmuniex, biex ma negħrqux fihom, imma nimxu ’l quddiem.

Għalhekk din nixtieq li nagħmlu bħala talba għalina lkoll illum. Nitolbu lill-Mulej: saħħaħ il-fidi tagħna. Għinna biex niftakru li inti magħna qalb it-tempesti tal-ħajja; u biex fil-mumenti meta nħossuna qed ninħakmu mill-biża’, aħna nqiegħdu l-id tagħna f’idek, ħalli int terfagħna u tmexxina ’l quddiem u tgħinna biex qalb it-tempesti tal-ħajja nibqgħu miexja ’l quddiem b’din il-fiduċja sħiħa fik li lilna timlielna qalbna u ma tħalliniex negħrqu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju