L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Hemm sentenza f’dan ir-rakkont li toħroġ b’mod tajjeb ħafna messaġġ importanti għal ħajjitna: is-sentenza li tgħid: “ir-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù”. Dan l-uffiċċjal tas-sultan ma kienx wieħed daqshekk qrib ta’ Ġesù, ma kienx wieħed mid-dixxipli tiegħu. Kien uffiċjal li ġie mill-bogħod, li għamel vjaġġ biex lil Ġesù jitolbu xi ħaġa daqshekk importanti: biex ifejjaqlu lil ibnu li kien ħażin ħafna.

Ġesù ma marx lura d-dar miegħu biex ifejjaqlu lil ibnu. Dan għamel talba għal darba darbtejn: Inżel Mulej u fejjaqli lil ibni. Ejja d-dar ħalli tfejqu. Ġesù ma għamilx hekk, imma qallu: Mur, ibnek jgħix. U dan ir-raġel emmen dak li qal Ġesù u telaq. Tolqotni ħafna kif dan il-bniedem li ma kienx daqshekk midħla ta’ Ġesù, avolja xtaqu jiġi d-dar u jfejjaqlu lil ibnu, qagħad fuq il-kelma li qallu: “Ibnek jgħix”. Meta telaq, fit-triq sab lill-qaddejja li qalulu li ibnu kien fieq proprju f’dak il-mument li Ġesù qallu: “Ibnek jgħix”.

Din kienet it-tieni darba li f’Kana tal-Galilija Ġesù għamel miraklu b’kelma. Mhux għax għamel xi azzjoni jew mar xi mkien, imma b’kelma. Fil-miraklu tat-tieġ ta’ Kana, Ġesù qalilhom biss: ‘Imlew il-ġarar bl-ilma u ħuduhom għand dak li qed jieħu ħsieb il-mejda’. Għall-kelma tiegħu l-ilma sar inbid. Għall-kelma tiegħu, is-sitwazzjoni nbidlet minn sitwazzjoni diffiċli għal dawk l-għarajjes għal sitwazzjoni fejn spiċċaw bl-aħjar inbid.

Ħafna drabi f’ħajjitna Ġesù jgħinna u jagħtina dak li għandna bżonn b’mod differenti, mhux bilfors kif naħsbu aħna.

Hawn ukoll il-bidla sseħħ bil-kelma tiegħu. Dan hu messaġġ li jolqot ħafna lil ħajjitna: il-fidi li kellu dan l-uffiċjal tas-sultan tgħinna fil-fidi tagħna. Li aħna nemmnu l-kelma ta’ Ġesù, li jkollna fiduċja sħiħa fil-kelma tiegħu, li hi kelma qawwija, li tista’ ġġib il-bidla, u kelma li tgħinna fil-bżonnijiet proprji tagħna. Mhux għax bilfors jagħmel dak li naħsbu aħna. Dan l-uffiċjal kellu fil-pjan tiegħu li Ġesù jmur id-dar u hemmhekk ifejjaqlu lil ibnu. Ġesù fejjaqlu lil ibnu b’mod differenti. Ħafna drabi f’ħajjitna Ġesù jgħinna u jagħtina dak li għandna bżonn b’mod differenti, mhux bilfors kif naħsbu aħna.

Din hi l-fidi li jitlob minna Ġesù. Din hi l-fidi li nitolbuh f’din il-quddiesa: li aħna jkollna dejjem fiduċja fil-kelma tiegħu, li nqiegħdu x-xewqat tagħna quddiemu, konvinti li jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Innutaw: il-fidi ma tfissirx li ma tagħmilx dak li għandek tagħmel. Dan ir-raġel għamel vjaġġ twil, talab u reġa’ talab, mar lura wkoll, għamel dak li kellu jagħmel, imma kellu, fl-istess waqt, il-fidi f’Ġesù. Għalina wkoll il-fidi ma tfissirx li noqogħdu indifferenti u ma nagħmlu xejn, imma nagħmlu dak li għandna nagħmlu, nieħdu azzjoni, u dejjem inqiegħdu dan quddiem il-Mulej. Hu kapaċi jiftaħ toroq ġodda u jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina, anke meta jkollna ħsibijiet jew pjanijiet oħra.

Lill-Mulej nitolbuh biex isaħħaħ fina l-fidi u jagħtina l-fidi li kellu dan l-uffiċjal tas-sultan fit-talba li għamel lil Ġesù biex hu fejjaqlu lil ibnu.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju