L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fl-Evanġelju tolqtok kif kultant nies li ma tistennihomx li se jagħrfu min hu Ġesù jkunu l-ewwel li jifhmu min hu. Hawnhekk għandna l-mara Kananeja, li ma kinitx parti mill-poplu Lhudi, li turina li għarfet tassew min hu Ġesù.

Hawnhekk Ġesù jitlaq lejn Tir u Sidon, fid-distrett fis-Sirja, tul il-kosta tal-Mediterran, qisu biex jevita l-folol. Imma hemmhekk toħroġ dil-mara li riedet li Ġesù jfejjaq lil bintha li kellha spirtu ħażin fiha. Hi mara kuraġġuża, mara ta’ fidi li ċċaqlaq il-muntanji, li lesta tagħmel dak li jidher impossibbli, u tagħmel minn kollox għal bintha.

Għalina hi kurjuża din il-konverżazzjoni ta’ Ġesù magħha. Hawnhekk, f’mumenti minnhom, jidher qisu ma jagħtix kas, differenti minn kif nafuh is-soltu, u kważi kważi kultant insolenti.  Għall-ewwel jinjoraha. Imbagħad, meta d-dixxipli riedu jeħilsu minnha, jgħidilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”, u din mhix waħda mill-poplu Lhudi, qisu qed jgħid: ma ġejtx għaliha. Imbagħad, meta tkellmu hi u terġa’ tinsisti, jgħidilha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. Kważi kliem insolenti dan.

[F’dan il-qari] naraw l-eżempju kbir ta’ din il-mara li hi ta’ fidi qawwija, fidi li twassal għal impenn, għal azzjoni, twassalha biex tagħmel minn kollox biex tgħin lil bintha.

Nifhmuh biss dan il-kliem jekk ma niqfux hawn, imma naraw il-ġrajja kollha. Jidher li Ġesù ried lid-dixxipli tiegħu jagħtihom l-ikbar tagħlima fuq x’jiġifieri l-fidi. Anke għaliex mar f’reġjun fejn is-soltu jkunu meqjusa ostili għalih, u minn hemm ħarġet din il-mara ta’ fidi kbira. Dil-mara li baqgħet tinsisti b’perseveranza, titlob, u tuża l-istess kliem tiegħu, tgħidlu:  “Il-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidinhom”. Hemhekk Ġesù jgħidiliha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira!”

Tolqotna ħafna l-fidi ta’ din il-mara u toħroġ b’mod qawwi f’dan ir-rakkont speċjalment jekk narawh ma’ dak li jiġi qabel, il-kapitlu ta’ qabel f’San Mattew, fejn hemm ir-rakkont ta’ Ġesù miexi fuq il-baħar, u Pietru li jipprova jersaq lejh, imma jaqbad jibża’ u jibda nieżel fl-ilma, u Ġesù jerfgħu u jgħidlu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?’ (14:31). Araw il-kuntrast. Lil Pietru, wieħed minn ta’ ġewwa nett, Ġesù jgħidlu: “Bniedem ta’ fidi żgħira”; u lil din il-mara li tfaċċat hawn, li mhix parti mill-poplu Lhudi u żgur mhux parti mill-grupp ta’ ġewwa, Ġesù jgħidilha: “Il-fidi tiegħek hi kbira!” Għalhekk, naraw l-eżempju kbir ta’ din il-mara li hi ta’ fidi qawwija, fidi li twassal għal impenn, għal azzjoni, twassalha biex tagħmel minn kollox biex tgħin lil bintha.

Nitolbu lill-Mulej, ispirati mill-kelma tiegħu, biex lilna wkoll isaħħaħ fina l-fidi, jgħinna biex ikollna fidi li tegħleb il-qtigħ ta’ qalb, il-biżgħat tagħna, u anke l-passività. Fidi li twassal ukoll għal azzjoni biex nagħmlu dak li għandna nagħmlu, dak li hu sewwa; nagħmluh b’perseveranza, u nagħmluh għall-ġid speċjalment ta’ dawk li huma fil-bżonn.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju