-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Knisja Arċipretali, il-Gudja
30 ta’ Lulju 2019Is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa li għadna kif smajna hi silta tassew qasira. Imma fiha tiġbor ħafna li hu ta’ ġid għal ħajjitna, u speċjalment għalikom li tqimu lil Marija mtellgħa s-sema f’din il-parroċċa għażiża tal-Gudja.
Ħa nsemmi tliet punti li fihom nara messaġġi importanti lil din il-parroċċa.
Leħen li jfaħħar lil Marija
L-ewwel nett, jolqotni dak il-leħen tal-mara li nstema’ minn qalb il-folla jfaħħar lil Marija. Il-mara qalet lil Ġesù: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt”. Jiġifieri dil-mara qed tfaħħar lil Marija għax kienet hi li ġiebet lil Ġesù fid-dinja. Ħa nitfgħu ħarsitna fuq din il-mara li tinstema’ tfaħħar lil Marija. Kliemha jingħaqad mat-tifħir tal-anġlu Gabrijel, meta jgħidilha: Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja.” Jingħaqad mat-tifħir ta’ Eliżabetta: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.” Kemm hu sabiħ leħen ifaħħar lil Marija, leħen li jinstema’ jfaħħarha minn qalb il-folla.
Dan hu l-ewwel messaġġ importanti għalina lkoll: li kliemna għandu jkun kliem ta’ tifħir lil Marija. Intom tafu xi pjaga għandna f’pajjiżna meta tiltaqa’ ma’ tant nies li bi kliemhom ikasbru lil Marija flok ifaħħruha? Kultant dak hu l-kliem li jinstema’ minn qalb il-folla. Illum stess waranofsinhar mit-tieqa magħluqa tad-dar tiegħi smajt wieħed li biex qisu jifraħ b’xi ħadd li ra, kasbar bi kliemu lil Marija. Nistedinkom tkunu dawk li tfaħħru lil Marija, li kliemkom ikun dejjem kliem ta’ ġieħ, li ma tibżgħux li dal-kliem ta’ tifħir jinstema’ minn qalb il-folla u jagħmel tajjeb għall-kliem ta’ tkasbir li kemm-il darba nisimgħu. Flimkien tkunu qed tagħmlu kuruna ta’ tifħir li Marija tant jixirqilha.
Leħen li japprezza l-omm
It-tieni, jolqotni l-kliem ta’ din il-mara għax hi tfaħħar lil Marija bħala omm: “…il-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt.” Meta din il-mara semgħet lil Ġesù, mill-kliem tiegħu għarfet kemm hi kbira ommu. Dil-mara ftakret f’ommu meta kienet fil-bidu tal-ħajja ta’ Ġesù, il-bidu nett, għax marret lura għal meta Ġesù kien fil-ġuf u kien diġà Ġesù. Kif nafu sew mix-xjenza, ma kinux ftit ċelloli fil-ġuf li mbagħad kumbinazzjoni żviluppaw f’Ġesù, imma kien Ġesù sa mill-ewwel mument tat-tnissil tiegħu. Għalhekk dil-mara faħħret lil omm Ġesù. Aħna nafu li din l-omm kienet ma’ Ġesù dejjem mill-bidu nett sal-aħħar. U li fl-aħħar hu taha lilna bħala ommna wkoll meta kien fuq is-salib biex bħalma ħarsitu fil-ħajja, bħalma akkumpanjatu, tħarisna u takkumpanjana.
Dan hu messaġġ sabiħ għalina lkoll: li lil Marija nfaħħruha bħala omm u li nitolbuha tkun dejjem magħna bħala ommna. Intom f’dil-parroċċa tal-Gudja dejjem żammejtu lil Marija bħala dik l-omm li tħares din il-komunità u kuruna sabiħa għal Marija tkun meta tgħixu tassew bħala wliedha.
L-isbaħ kuruna lil Marija
It-tielet ħaġa li tolqotna hi t-tweġiba ta’ Ġesù. Lill-mara, meta faħħret lil ommu, qalilha: Imma tassew ngħidlek aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha! Innutaw kif dak li għamel Ġesù hu li kompla jfaħħar lil ommu, għax hi l-aqwa eżempju ta’ kif tisma’ l-Kelma ta’ Alla u tħarisha. Sa minn meta lill-anġlu Gabrijel qaltlu: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, isir minni skont kelmtek” ħajjitha kollha kienet miftuħa għall-Kelma ta’ Alla biex tħarisha. Ukoll fil-mumenti tal-akbar tbatija. Il-parir li hi tagħti fl-Evanġelju hu dan: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”, jiġifieri: isimgħu l-kelma tiegħu u ħarsuha.
Għalhekk, Ġesù qed ifaħħarha, u qed jgħid li l-aqwa ħaġa li għamlet Marija hi proprju din. U f’dan it-tifħir hemm messaġġ importanti għal ħajjitna: li l-aqwa li nistgħu nagħmlu aħna hu li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nħarsuha. Mhux kulħadd jista’ jkun omm Alla – dik kienet Marija biss – imma kulħadd jista’ jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jħarisha. U hawn Marija tibqa’ dejjem l-isbaħ eżempju. Qed jgħid Ġesù li l-aqwa u l-isbaħ kuruna lil Marija hi ħajja li fiha nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nħarsuha.
It-talba li nixtieq nagħmel llum, ispirata mill-Kelma ta’ Alla, hi talba speċjalment għalikom ilkoll li qed tħejju għall-festa ta’ Marija mtellgħa s-sema. Nitlob li tkunu dejjem nies li tfaħħru lil Marija bi kliemkom, li jkollkom dejjem lil Marija bħala omm li takkumpanjakom, u li f’ħajjitkom tfittxu li tisimgħu l-Kelma ta’ Alla u tħarsuha biex il-ħajja tagħkom tkun l-isbaħ kuruna li togħġob lil Marija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju