X’inhu Kungress Ewkaristiku Internazzjonali?

Kungress Ewkaristiku Internazzjonali hija laqgħa għall-membri tal-kleru, reliġjużi u lajċi biex jagħtu xhieda ħajja ta’ Ġesù preżenti ħaj fl-Ewkaristija. Dawn il-Kungressi għadhom isiru sal-llum. Il-Knisja f’Malta qegħda tfakkar meta dan il-Kungress sar f’pajjiżna fl-1913.

Fit-23 ta’ April 1913, fetaħ l-24 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li kien sar f’Malta. Il-Kungress għalaq fis-27 ta’ April 1913 b’purċissjoni li bdiet mill-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, għal fejn illum hemm il-monument ta’ Kristu Re, fejn ingħatat il-Barka Ewkaristika. F’din iċ-ċelebrazzjoni ħadu sehem madwar 7,000 ruħ. Il-monument ta’ Kristu Re, li ġie inawgurat nhar il-Ħadd 30 ta’ Diċembru 1917, sar apposta b’tifkira ta’ dan il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali.

.
Attivitajiet u Ċelebrazzjonijiet tal-Fidi fl-Ewkaristija

Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta fl-1913, il-Knisja f’Malta ser torganizza Ġimgħa Ewkaristika bejn il-Ħamis 30 ta’ Mejju u l-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju, 2013. Matul din il-ġimgħa jiġu ċċelebrati żewġ festi liturġiċi marbutin mal-Ewkaristija.

Programm:

Bejn il-Ħamis 30 ta’ Mejju u l-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju ser isir apprezzament tal-preżenza ħajja ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, b’talb ta’ adorazzjoni fil-parroċċi kollha.

Il-Ġimgħa 31 ta’ Mejju, fis-7.30 p.m. – Oratorju ‘San Paolo – Evangelizza I Maltesi’ ta’ Mro Carlo Diacono, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, kor u solisti. Dan l-Oratorju inkiteb apposta għall-Kungress Ewkaristiku.

It-Tlieta 4 ta’ Ġunju, fis-7.00 p.m. – konferenza fil-Kurja tal-Arċisqof. Din ser titratta l-fidi fl-iżvilupp tal-kultura fis-soċjetà Maltija.

L-Erbgħa 5 ta’ Ġunju, fis-7.00 p.m. – it-tieni konferenza fil-Kurja tal-Arċisqof, li matulha ser isir apprezzament lejn il-qima tal-Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja u l-Ewkaristija.

• L-attività prinċipali tal-Ġimgħa Ewkaristika ser issir il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju, fit-8.00 p.m., fi Pjazza San Ġorġ il-Belt Valletta, fejn ser tiġi ċċelebrata Quddiesa mill-Isqfijiet Maltin, u wara ssir purċissjoni bis-Sagrament. Il-purċissjoni tispiċċa quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann, fejn tingħata l-Barka Ewkaristika.