Photo: Pexels

Bħalissa jinsabu miftuħa l-applikazzjonijiet għall-M.A in Business Ethics (Master of Arts in Business Ethics) offrut part-time b’lezzjonijiet filgħaxija, li jindirizza aspetti soċjali, politiċi, legali, ekonomiċi, u morali ta’ kif in-negozji jiġu mmexxija u regolati.

Dan sabiex dawk li jixtiequ jinvolvu ruħhom b’mod professjonali fil-proċessi tal-governanza korporattiva, jikbru fil-ħiliet kritiċi u morali meħtieġa għal analiżi kritika u tmexxija etika ta’ negozji u attivitajiet ekonomiċi.

Bil-għan li jifforma kultura ta’ etika, il-kors jibda f’Ottubru ta’ din is-sena bħala kontribuzzjoni oħra fil-qasam tal-etika professjonali wara li ġew introdotti b’suċċess l-M.A. in Bioethics u l-M.A. fl-Environmental Ethics.

Il-kors huwa inter-dixxiplinarju (MQF Livell 7) hekk kif iġib flimkien l-etika filosofika, it-teoloġija morali, l-istudji tan-negozju, marketing, il-politika pubblika, u l-liġi – maħsub biex jaqdi varjetà wiesgħa ta’ studenti minn sfondi professjonali differenti.

Studenti fissru kif il-kors kien għalihom esperjenza dinamika u trasformattiva personalment u akkademikament, kif għenhom jaġixxu fid-dinja tal-lum, u kif fetħilhom opportunitajiet ġodda.

Il-kors se jsir bil-parteċipazzjoni ta’ letturi mill-Fakultà tal-Ekonomija, il-Maniġment, u l-Kontabilità (FEMA), u diversi mexxejja fin-negozju.

“Fis-suq globalizzat tal-lum, governanza korporattiva b’saħħitha u tmexxija etika m’għadhomx għażla, imma huma essenzjali”.

Id-Dipartiment tat-Teoloġija Morali

Il-kors qed jiġi offrut mid-Dipartiment tat-Teoloġija Morali fi ħdan il-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, f’kollaborazzjoni mal-Fakultà tal-Liġijiet u l-Fakultà tal-Ekonomija, il-Maniġment, u l-Kontabilità (FEMA).

Dan hekk kif l-importanza tal-etika fin-negozji, il-governanza korporattiva, u r-responsabbiltà soċjali qed tikber b’rata mgħaġġla fis-soċjetà tal-lum.

Ġie spjegat kif it-tnaqqis ekonomiku riċenti ma jistax jiġi attribwit biss għaċ-ċikli ekonomiċi regolari, iżda wkoll għan-nuqqas ta’ fehim etiku min-naħa ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

“Għaldaqstant, fl-ambjent tan-negozju tal-lum, huwa aktar importanti minn qatt qabel li wieħed jistinka għal imġiba etika b’saħħitha”

Id-Dipartiment tat-Teoloġija Morali

L-etika fin-negozju tinvolvi standard ta’ gwida għall-valuri, l-imġiba, u metodi ta’ ħidma u teħid ta’ deċiżjonijiet affidabbli – “Organizzazzjoni etika timxi fuq prinċipji fosthom l-onestà, integrità, ġustizzja, fiduċja, akkontabbiltà, u rispett lejn l-oħrajn”.

Il-kors għandu 6 semestri b’total ta’ 90 ECTS: sentejn ta’ study-units (l-ewwel u t-tieni sena) u sena ta’ riċerka li titlob teżi (it-tielet sena).

L-ewwel sena tkopri teoriji etiċi u l-prattika tan-negozju, l-irwol tal-gvern, tal-politika, tal-ekonomija, u tan-negozji f’dinja globalizzata, governanza korporattiva u kultura ta’ etika, u kwistjonijiet etiċi fil-liġijiet tan-negozji.

It-tieni sena tkopri riżorsi umani u perspettivi rigward xogħol etiku, etika finanzjarja, kif ukoll sostenibbiltà, l-ambjent, u l-ekonomija, u etika fil-maniġment u l-marketing.

Il-kors jintroduċi l-istudenti fost l-oħrajn għal:

  • Kwistjonijiet etiċi importanti f’attivitajiet relatati u kuntesti soċjali u ekonomiċi tagħhom.
  • Kunċetti etiċi bażiċi fosthom fiduċja, ġustizzja, drittijet, dmirijiet, tajjeb u ħażin.
  • Dixxerniment u kif jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet fil-manifattura, fil-marketing, fir-riżorsi umani, finanzi, sostenibbiltà, u kwistjonijet ambjentali.
  • Komunikazzjoni korporattiva: reklamar u relazzjonijiet pubbliċi etiċi.
  • In-negozju u r-relazzjoni tiegħu ma’ sferi oħra tal-ħajja umana.
  • Fehim bibliku u teoloġiku tax-xogħol, l-ekonomija, u s-soċjetà, b’attenzjoni lit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja.
  • Bilanċ bejn xogħol u familja, sussidjarjetà, solidarjetà, psikoloġija fix-xogħol.
  • Forom ta’ responsabbiltà fin-negozji: responsabbiltà komuni, responsabbiltà personali, responsabbiltà fiduċjarja, responsabbiltà korporattiva u soċjali.

Il-kors huwa taħlita ta’ tagħlim online u wiċċ imb’ wiċċ. B’dan il-metodu flessibbli, il-kors huwa aċċessibbli kemm għal dawk residenti f’Malta kemm għal applikanti internazzjonali li ma joqogħdux Malta.

Għal min rakommandat il-kors?

Dan il-kors huwa rakommandat għal min jaħdem fin-negozju (diretturi, segretarji ta’ kumpaniji, uffiċjali tal-konformità, uffiċjali tal-etika), uffiċjali fil-banek, akkademiċi fin-negozju, filosfi, avukati, kontabilisti, uffiċjali fi trade unions, rappreżentanti tal-gvern kif ukoll organizzazzjonijiet non-governattivi, u partijiet interessati kuxjenzjużi f’kull kuntest.

Il-kors huwa miftuħ għal nies u gradwati f’kull professjoni, fost l-oħrajn fin-negozju, fil-liġi, fil-finanzi, marketing, filosofija, u teoloġija.

Min jikseb id-degree, ikun eliġibbli biex jirreġistra għal programm third-cycle li jwassal għal Dottorat mill-Fakultà tat-Teoloġjia. Wieħed jista’ wkoll jiġi mistieden iservi bħala membru f’kumitati tal-etika fin-negozju.

Kandidati eliġibbli jistgħu japplikaw għal borża ta’ studju ta’ €2,000 permezz tal-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi. Studenti lokali jistgħu jibbenefikaw minn kreditu ta’ taxxa li jkopri 70% tat-tariffi tal-kors taħt l-iskema Get Qualified.

Min jiddeċiedi li ma jkomplix bil-kors ikun eliġibbli għal Ċertifikat Postgradwatorju (fl-aħħar tal-ewwel sena, jew Diploma Postgradwatorja (fl-aħħar tat-tieni sena).

Kif tapplika?

Wieħed jista’ japplika permezz ta’ din il-ħolqa, kif ukoll jikkuntattja lill-koordinatur tal-M.A. in Business Ethics Fr Carlo Calleja hawnhekk, u lill-Fakultà tat-Teoloġija fuq l-email [email protected] jew fuq in-numru 23402767.

Il-paġna ta’ Facebook tal-Fakultà tat-Teoloġija tinsab hawn.

L-applikazzjonijiet għall-kors jagħlqu fit-22 ta’ Lulju fis-2pm

Il-perjodu għal applikazzjonijiet li jaslu tard huwa bejn it-23 ta’ Lulju u l-15 ta’ Settembru fis-2pm. Spejjeż japplikaw.

Għal iktar informazzjoni fuq il-kors, wieħed jista’ jidħol hawn.

Min hu eliġibbli?

Biex wieħed ikun eliġibbli għall-kors, irid ikollu Bachelor’s (Minimum Second Class jew Kategorija II) fit-Teoloġija, Filosofija, Liġi, Kontabilità, Ekonomija, Maniġment, Studji Bankarji, Marketing, jew studju relatat. Inkella Bachelor’s (Third Class jew Kategorija III) fl-istess oqsma flimkien ma’ mill-inqas tliet snin ta’ esperjenza professjonali relatata.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesca Gauci