Erodi t-Tetrarka, dan li jsemmi l-Evanġelista San Luqa f’kaptilu 9, mhuwiex l-Erodi li ħafna drabi nisimgħu fir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù. Anke għaliex mit-twelid ta’ Ġesù ormaj għaddew mill-inqas 30 sena. Dan hu wieħed mill-ulied ta’ Erodi u li nisimgħu dwaru lejn l-aħħar tal-Evanġelju jew inkella propju waqt il-ħidma pubblika ta’ Ġesù.

Erodi jisma’ dak li qed jiġri fit-territorju tiegħu tal-Galilija. Nistgħu ngħidu li jisma’ dak li l-istess dixxipli jirrakuntaw lil Ġesù meta Ġesù jgħidilhom: “In-nies min jgħidu li jien?”  U d-dixxipli rrisponduh: “Hawn min jgħid li inti Ġwanni l-Battista, hemm min jgħid li inti Elija jew wieħed mill-profeti” (Lq 9:18-19).

Erodi t-Tetrarka jisma’ l-istess ħaġa. Ovvjament jifhem li mhuwiex Ġwann il-Battista u jikkonfermalna kemm id-dnub ma jorqodx. Dan għaliex meta jiftakar fi Ġwann il-Battista, jiftakar li hu kien il-kawża tal-mewt ta’ Ġwanni l-prekursur. “Lil Ġwanni qtajtlu rasu” (Lq 9:9).

Nafu l-istorja traġika tal-mewt ta’ Ġwann il-Battista. Dan Erodi ħa l-mara ta’ ħuh Filippu, u Erodijade kellha tifla jisimha Salome u din żifnet quddiem Erodi, għoġbitu u dan, fiż-żelu, wegħedha kulma titolbu. Salome marret għand ommha u minflok qaltilha titolbu xi dar jew xi oġġett ieħor, qaltilha li riedet ras Ġwann il-Battista. Erodi ħass li kellu biżżejjed poter biex jagħtiha li talbitu: ras Ġwann fuq platt (ara Mt 14:6-11). Kellu raġun jgħid: “lil Ġwanni qtajtlu rasu”.

“Mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma’ dan kollu?” (Lq 9:9). Din il-mistoqsija nsibuha diversi drabi fl-Evanġelju ta’ San Luqa u anke f’dak ta’ San Ġwann. “Dan min hu? Min hu Ġesù?”

Hawnhekk qegħdin qrib ħafna l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni fejn il-Mulej juri tassew min hu. Interessanti li minn dan il-mument Erodi jibda jfittex li jara lil Ġesù. L-Evanġelju ta’ San Luqa jirrakkontalna li jiltaqgħu, jarah fil-passjoni meta Pilatu jirrealizza li dan mill-Galilija u jibagħtu għand Erodi li dan, fl-aħħar, jiltaqa’ ma’ Ġesù wiċċ imb wiċċ.  Jipprova jipperswadih jagħmel xi opra straordinarja, xi miraklu, bħallikieku l-mirakli kienu teatrin. L-istess San Luqa jgħidilna li quddiem Erodi, l-istess wieħed li qatel lill-Battista, Ġesù ma fetaħx fommu (ara Lq 23:9). U Erodi, biex ma jaqax għaċ-ċajt u jgħaddi ’l Ġesù ta’ miġnun, jlibbsu l-libsa kkulurita tal-imġienen. Hekk jibagħtu lura għand Pilatu.

X’riflessjoni nieħdu minn dan kollu? Il-bniedem, hu min hu, f’qalbu għandu għatx li jara lil Ġesù. Aħna nistgħu nieħdu triq qasira ħafna kif nistgħu naraw lil Ġesù: niltaqgħu miegħu f’ħutna. Dak kollu li nagħmlu mal-iżgħar fost ħutna, nagħmluh  miegħu. Trid tara ’l Ġesù? Ibda arah f’ħuk, f’oħtok.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta