L-Assemblea Djoċesana 2021

Nhar il‑Ħadd li ġej il‑Knisja f’Malta se tiċċelebra l‑festa ta’ Kristu Re. B’rabta ma’ din il‑festa hekk importanti għall‑Knisja Kattolika, fil‑jiem li ġejjin il‑Knisja f’Malta se tiċċelebra tliet ċelebrazzjonijiet djoċesani importanti. Din is‑sena l‑Assemblea Djoċesana se terġa’ ssir fuq jumejn waqt li se jerġa’ jiġi ċċelebrat lokalment il‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ.

L‑Assemblea Djoċesana

Għada l‑Ħamis 17 ta’ Novembru u l‑Ġimgħa 18 ta’ Novembru, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta ser tlaqqa’ l‑Assemblea Djoċesana li ser tkun ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna. L‑Assemblea ser issir fiċ‑ĊAK f’Birkirkara bil‑possibbiltà li wieħed isegwi wkoll online. L‑assemblea, din is‑sena wkoll, se tkun parti mill‑proċess ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed. L‑Assemblea, bit‑tema Nisimgħu, nilqgħu u nakkumpanjaw, se tiddiskuti esperjenzi li twettqu bħala parti mill‑proċess ekkleżjali dwar Knisja li Tilqa’ kif ukoll esperjenzi oħra li jgħinuha tħaddan aktar l‑attitudni tal‑akkumpanjament.

Matul is‑sena d‑dieħla l‑Knisja f’Malta se tkun qed tieħu diversi inizjattivi bit‑tema ta’ Knisja li Takkumpanja, li jvarjaw minn formazzjoni ta’ dawk imsejħa għall‑qadi għal tisħiħ tal‑ħidma pastorali.

Għall‑assemblea huma mistiedna l‑provinċjali tal‑kongregazzjonijiet reliġjużi, il‑kappillani u rappreżentanti tal‑parroċċi kollha, il‑kapijiet tal‑iskejjel tal‑Knisja u l‑mexxejja tal‑għaqdiet u l‑movimenti Kattoliċi, delegati u persuni oħra f’kunsilli tal‑Arċidjoċesi.

Aktar informazzjoni dwar il‑proċess ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed jinsab fuq il‑website vjagg.knisja.mt.

Il‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ 2023

Is‑Sibt 19 ta’ Novembru, se ssir quddiesa u mument ta’ talb immexxija mill‑Arċisqof Charles Scicluna bil‑parteċipazzjoni taż‑żgħażagħ, fil‑Knisja tal‑Franġiskani, il‑Belt Valletta. Wara l‑parteċipanti jimxu sa Muża, il‑mużew nazzjonali tal‑arti, fejn se jitnieda programm ta’ attivitajiet għal matul is‑sena li se jwasslu għall‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ 2023, li hi ċ‑ċelebrazzjoni tal‑fidi taż‑żgħażagħ madwar id‑dinja kollha. Il‑Malta Catholic Youth Network (MCYN) se tagħti wkoll tagħrif dwar il‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ (World Youth Day) li ser issir f’Lisbona s‑sena d‑dieħla, u l‑proċess li d‑djoċesi qed tħejji għal dan. Iċ‑ċelebrazzjoi tagħlaq b’kunċert mill‑band Lara & The Jukeboys. Min hu interessat jattendi jżur mcyn.org.

L‑Għasar u l‑Barka Sagramentali fil‑Festa ta’ Kristu Re

Nhar il‑Ħadd li ġej, 20 ta’ Novembru 2022, issir iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana ta’ Kristu Re, ippresjeduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna. Kulħadd hu mistieden għal din iċ‑ċelebrazzjoni.

Din tibda fil‑5:00 p.m. u ser issir fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fejn jingħad l‑għasar (it‑talba ta’ filgħaxija) u tingħata l‑barka sagramentali. Waqt l‑għasar, l‑Arċisqof iwassal il‑messaġġ tiegħu f’din il‑festa importanti għall‑Insara u wara jagħti l‑barka sagramentali. Iċ‑ċelebrazzjoni se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.  

Qabel iċ‑ċelebrazzjoni ser ikun hemm servizz ta’ qrar u wara ċ‑ċelebrazzjoni jkun hemm quddiesa.