Nhar il‑Ħadd li ġej, 21 ta’ Novembru 2021, il‑Knisja Kattolika ser tiċċelebra l‑festa liturġika ta’ Kristu Re. L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna flimkien mal‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qed jistiednu lill‑Insara jingħaqdu magħhom għal din iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana.

Din tibda fil‑5:00 p.m. u ser issir fil‑Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, fejn tingħad it‑talba ta’ filgħaxija (l‑għasar). Qabel iċ‑ċelebrazzjoni ser ikun hemm servizz ta’ qrar u wara jkun hemm quddiesa. Dakinhar, l‑Arċisqof iwassal il‑messaġġ tiegħu f’din il‑festa importanti għall‑Insara u wara jagħti l‑barka sagramentali. Matul iċ-ċelebrazzjoni jiġu osservati l-miżuri dwar il-quddies bil-preżenza tan-nies. Iċ‑ċelebrazzjoni se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.  

Fuq xewqa tal‑Arċisqof, il‑knejjes kollha tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta fejn tinżamm l‑Ewkaristija se jkunu miftuħa għall‑adorazzjoni matul din il‑ġimgħa, bi tħejjija għal din il‑festa.

L-Assemblea Djoċesana 2021

Nhar il‑Ħamis li ġej, 18 ta’ Novembru, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta ser tlaqqa’ l‑Assemblea Djoċesana. Din ser tkun ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna u għall-ewwel darba ser issir b’format hybrid, b’uħud mill-parteċipanti preżenti fis-sala taċ‑ĊAK f’Birkirkara u oħrajn online.

L‑assemblea ta’ din is‑sena hi parti mill‑proċess ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, u se ssir b’rabta mal‑mixja sinodali lejn is‑Sinodu tal‑Isqfijiet li se jsir fl‑2023. L‑Assemblea, bit-tema Knisja li Tisma’ hi Knisja li Tilqa’, se tiddiskuti esperjenzi li twettqu bħala parti mill‑proċess ekkleżjali dwar Knisja li Tisma’ kif ukoll esperjenzi oħra li se jwasslu għall-ħidma tal‑Knisja li Tilqa’.

Matul is‑sena d‑dieħla, il‑Knisja f’Malta se tkun qed tiffoka iktar fuq l-attitudni ta’ Knisja li Tilqa’. Kif spjegat fid-dokument imniedi sentejn ilu, l‑għan hu li taħdem biex ittejjeb id‑djalogu bejn l‑entitajiet tal‑Knisja, inkluż għaqdiet u movimenti sekulari, kif ukoll dawk li jħaddnu twemmin differenti; u taħdem għal integrazzjoni f’komunità waħda speċjalment ta’ persuni vulnerabbli u persuni ġejjin minn pajjiżi oħra.

Għall‑assemblea huma mistiedna l‑kappillani u rappreżentanti tal‑parroċċi kollha, il‑provinċjali tal‑kongregazzjonijiet reliġjużi, il‑kapijiet tal‑iskejjel tal‑Knisja u l‑mexxejja tal‑għaqdiet u l‑movimenti Kattoliċi, delegati u persuni oħra f’kunsilli tal‑Arċidjoċesi.

Aktar informazzjoni dwar il-proċess ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed jinsab fuq vjagg.knisja.mt.