L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“Jien irbaħt id-dinja”. Dan il-kliem smajna lil Ġesù jgħidu fl-Evanġelju llum. Hu kliem li qal fl-aħħar ċena. Jidher qisu kliem mhux daqshekk f’postu meta tiftakar li qed jgħidu ftit mumenti qabel il-passjoni u l-mewt tiegħu, meta kien imsallab fuq is-salib bl-agħar forma ta’ mewt. X’rebħa hija dik? Meta n-nies li kien hemm ħarsu lejh fuq is-salib, qalu: din hi l-akbar telfa, mhux rebħa! Dan hu l-akbar falliment!

X’ifisser “jien irbaħt id-dinja”? Naħseb li din kienet f’moħħ id-dixxipli meta qed jisimgħuh jgħid dan, imma hi wkoll kultant f’moħħna u f’qalbna. Mistoqsija li kultant nistaqsu aħna: x’jiġfieri Ġesù rebaħ id-dinja? Minn żmienu ’l hawn għadna naraw il-vjolenza, il-mibegħda, l-ingann, l-inġustizzji, it-tkasbir tal-bnedmin. Fejn hi r-rebħa tiegħu?  Nifhmu x’qed jgħid Ġesù meta ma nifirdux din il-kelma minn dak li jgħid eżatt qabel, meta lid-dixxipli jgħidilhom: “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma agħmlu l-qalb. Jien irbaħt id-dinja”.

Ir-rebħa ta’ Ġesù mhijiex rebħa għax rebaħ lill-poplu warajh. Kien hemm ġranet u ċirkustanzi fil-ħajja ta’ Ġesù meta n-nies imxew warajh u kellu l-folol. Anke meta daħal Ġerusalemm kellu folla kbira ta’ nies miegħu. Imma mbagħad spiċċa waħdu bi ftit nies. Il-folla qalet “sallbu”  – mhijiex ir-rebħa għax rebaħ lin-nies.

Mhijiex ir-rebħa għax ipperswada lill-awtoritajiet. L-awtoritajiet ta’ dak iż-żmien kontrieh kienu u kontrieh baqgħu.

Mhijiex ir-rebħa għax kellu xi ħakma fuq xi postijiet jew xi saltna tiegħu. Hu stess qal: is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja.

Mhijiex ir-rebħa għax minn żmienu ’l hawn kulħadd isegwi t-tagħlim tiegħu. Altru li mhux hekk!  

Għalhekk, x’rebħa hi din? Hi r-rebħa li Ġesù ġabilna permezz tal-ħajja tiegħu, u speċjalment permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Hemmhekk hi r-rebħa tal-ħajja u tal-imħabba. Dik hi r-rebħa li ġab Ġesù fuq il-mewt u d-dnub. Għalina li nimxu warajh din hi r-rebħa li ġabilna, jekk aħna nimxu tassew fuq il-passi tiegħu bħala dixxipli tiegħu. Tfisser li meta fil-ħajja nagħżlu li nimxu fit-triq tal-imħabba, tal-paċi, tal-ġustizzja, tar-rispett lejn il-ħolqien li ħalaq Alla, tal-ħarsien tad-dinjità u l-ħajja ta’ kull bniedem – meta nagħżlu dan, qegħdin fit-triq rebbieħa, qed nagħżlu t-triq li tfisser rebħa. U l-kontra wkoll. Meta nagħżlu l-mibegħda, il-vendikazzjoni, l-ingann, l-inġustizzji, it-tkasbir tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem, il-qerda tal-ambjent – meta nagħmlu dawn l-għażliet  qegħdin fit-triq telliefa u nġorru magħna lit-telliefa.

Ir-rebħa ta’ Ġesù hi r-rebħa tal-ħajja u tal-imħabba. Hi rebħa li tfakkarna li kultant irridu nbatu biex nagħżlu din it-triq. Għalhekk Ġesù jgħidilhom: “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma agħmlu l-qalb, jien irbaħt id-dinja” Qed jgħid lid-dixxipli u lilna: kultant trid tbati biex timxi f’din it-triq rebbieħa. Ir-rebħa ma tfissirx li ma tbatix. Kultant trid tbati u hemmhekk tkun fit-triq rebbieħa. F’din il-quddiesa nitolbu lill-Mulej din il-grazzja biex aħna nimxu warajh, jagħtina l-grazzja li nimxu fuq it-tagħlim tiegħu. Hu wegħidna r-rebħa fil-ħajja ta’ dejjem imma wegħdina wkoll li minn issa stess, jekk nimxu warajh, inkunu tassew fit-triq rebbieħa.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju