L-Arċisqof Charles Scicluna jiltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali ta’ Caritas Internationalis Dr Aloysius John waqt żjara ta’ korteżija, li saret il-Ħamis 14 ta’ Lulju 2022, fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana. Għal din iż-żjara kienu preżenti wkoll il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Mons. Charles Cordina u d-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt. Caritas Malta, li hi entità tal-Knisja f’Malta, tifforma parti minn Caritas Europa fejn hemm madwar 49 pajjiż membru waqt li f’Caritas Internationalis hemm 162 pajjiż membru minn madwar id-dinja.

Mons. Scicluna qal li Caritas Malta hi parti minn xibka kbira ta’ solidarjetà madwar id-dinja li tagħti xhieda ta’ dak li l-Papa Franġisku jsejjaħ “it-togħma tal-Evanġelju”. Dan għaliex Caritas Malta tagħmel ħilitha biex tkun qrib ta’ min għandu bżonn l-għajnuna u turi l-istess kompassjoni u ħniena ta’ Ġesù mal-proxxmu. Min-naħa tiegħu, Dr John irringrazzja lil Caritas Malta tal-ħidma tagħha fis-soċjetà Maltija sabiex tagħti dinjità u tama lill-foqra u l-persuni mwarrba. Huwa faħħar ukoll l-għajnuna li Caritas Malta toffri fuq livell internazzjonali, fosthom l-għajnuna waqt il-gwerra fl-Ukrajna meta ġabret €350,000 u bagħtet diversi affarijiet essenzjali għall-poplu Ukren.

Fi tmiem il-laqgħa, l-Arċisqof irregala lil Dr Aloysius John kopja tal-ktieb Luminous Kindness, ilpubblikazzjoni uffiċjali tal‑Vjaġġ Appostoliku tal‑Papa Franġisku f’Malta.